Archives

Ramazzotti bil-flokk nazzjonali ta' Malta

Published: 18-09-2016 10:20
image1 (102)
Eros Ramazzotti, il-kantant Taljan ta' fama mondjali, ilbieraħ filgħaxija ħasad u emozzjona eluf ta' nies hekk kif lejn l-aħħar tal-kunċert li ta fl-MFCC f'Ta' Qali, deher juri l-flokk nazzjonali ta' Malta bin-numru 10 fuqu u bl-isem, 'Eros'. Dan kollu ġara ftit wara d-diska 'Dove ce' musica' li Ramazzotti kanta lejn l-aħħar tal-kunċert u li warajh fuq il-big screen kellu filmati tiegħu nnifsu bil-flokkijiet tal-futbol ta' diversi pajjiżi differenti.  Dan is-sit jinsab infurmat li dan il-flokk spiċċa għand Ramazzotti f'dan il-ħin hekk kif Rita Piscopo, 'fan' kbira tal-kantant Taljan u li nzertat ftit passi bogħod mill-palk, tefgħetu lil Ramazzotti, li minn naħa tiegħu sellem u rringrazzjaha ta' dan ir-rigal sabiħ. Ramazzotti apprezza immens, tant li deher jitla' fuq kaxxa li kellu fuq il-palk, għannaq miegħu l-flokk u urih lill-eluf ta' nies li kellu quddiemu. Rita Piscopo tiġi l-mara ta' Mark Piscopo, il-kit mananager tat-tim nazzjonali Malti. Eros Ramazzotti hu partitarju kbir tal-futbol u laħab diversi partiti mat-tim nazzjonali Taljan tal-kantanti. Hu għandu passjoni kbira għal Juventus u ħabib personali tal-familja Agnelli.