Archives

Ikompli l-Kampjonat BOV Premier

Published: 03-01-2014 10:30
image1 (102)
Għada jkompli l-Kampjonat BOV Premier b’erba’ partiti oħra wara l-waqfa li kellna għall-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.  Fil-Hibernians Stadium ikollna żewġ partiti fis-2.00pm u fl-4.00pm rispettivament. L-ewwel waħda tkun bejn Vittoriosa Stars u Naxxar Lions. Partita li tista’ tkun bilanċjata, anki minħabba l-fatt li l-aħħar ħarġiet tal-Istars kienu ferm pożittivi. Min-naħa tagħhom, Naxxar qegħdin juru li huma tim ta’ stoffa u dan ikkonfermawh wara r-rebħa kontra Valletta ftit tal-jiem ilu. Valletta jidħlu fix-xena immedjatament wara bil-partita kontra Tarxien Rainbows. Il-Beltin ma jistgħux ifallu mit-tliet punti jekk iridu jkomplu konsistenti ma’ ta’ fuq. Ir-Rainbows jippruvaw jagħmlu li jistgħu biex jieħdu xi ħaġa minn partita li fuq il-karta tidher impossibbli għalihom. Fl-istess ħin jintlagħbu żewġ partiti oħra fis-Centenary Stadium. L-ewwel waħda tkun bejn Rabat Ajax u Qormi. Partita li tista’ tiswa staġun għaż-żewġ naħat. L-Ajax iridu rebħa biex jerġgħu jersqu viċin it-timijiet l-oħra fil-klassifika waqt li Qormi jridu jsibu l-aqwa forma tagħhom li f’dan l-istaġun jidher li mhux qiegħda hemm. Sliema Wanderers kontra Mosta hi t-tieni partita fis-Centenary Stadium li jkollna għada. Partita li m’għandix favorit u ż-żewġ naħat kapaċi joħorġu rebbieħa u jieħdu l-punti neċessarji biex jassigurawhom minn post fiċ-Championship Pool. Il-Ħadd ikollna żewġ partiti fl-Istadium Nazzjonali. Fl-ewwel partita Balzan Youths jilagħbu kontra Hibernians, b’dawn tal-aħħar jibdew bħala favoriti li jieħdu rebħa li tant ġiet bżonnjuża wara t-telfa tal-ġimgħa l-oħra kontra Birkirkara. Fit-tieni partita, ikunu iċ-Champions Birkirkara li jilagħbu kontra Floriana, f’dik li forsi hi l-isbaħ partita ta’ tmiem il-ġimgħa. Il-Karkariżi jibdew xi ftit iktar favoriti li jieħdu rebħa iżda wieħed ma jistax jinsa l-wirjiet tajbin li kellhom il-Greens f’dan l-istaġun u ma tkun l-ebda sorpriża jekk minn dan il-konfront jieħdu xi ħaġa.