Malta Football Association
NEWS:
Il-Kunsill tal-MFA japprova il-format il-ġdid tal-Kampjonat BOV Premier
Apr 22, 2014
Posted in:
General
BOV Premier League

Is-sabiħ ta' din l-Assoċjazzjoni hu li għalkemm mhux dejjem naqblu waqt id-diskussjonijiet, id-deċiżjonijiet finali jkunu dejjem ta’ ġid għall-futbol Malti” – Norman Darmanin Demajo


 

Il-Kunsill tal-Malta Football Association, illum wara nofsinhar, approva l-format il-ġdid tal-Kampjonat BOV Premier. Dan il-format se jidħol fis-seħħ mill-istaġun li ġej wara li aktar tard fil-ġurnata l-Laqgħa Ġenerali tal-Assoċjazzjoni approvat il-mozzjoni mressqa skond l-istatut tal-MFA.

 

B’hekk, issa hu konfermat li mill-istaġun li ġej, it-12-il klabb tal-Kampjonat BOV Premier, se jilagħbu żewġ rawnds u wara dawn il-punti ta’ kull tim jinqasmu min-nofs. It-tielet u l-aħħar rawnd tal-kampjonat jerġa’ jintlagħab bejn kulħadd ma’ kulħadd mingħajr iċ-Championship Pool u r-Relegation Pool.

 

It-tim li jispiċċa fl-ewwel post ikun iddikjarat rebbieħ tal-Kampjonat Premier u awtomatikament jikkwalifika għall-kompetizzjoni UEFA Champions League.

 

It-timijiet li jispiċċaw fit-tieni u t-tielet post u r-rebbieħ tal-FA Trophy jikkwalifikaw għall-kompetizzjoni UEFA Europa League. Iżda f’każ li l-FA Trophy tintrebaħ minn xi tim li jispiċċa fl-ewwel tliet postijiet fil-kampjonat, ikun it-tim li jispiċċa fir-raba’ post tal-klassifika li jikkwalifika għal din il-kompetizzjoni Ewropea.

 

Iż-żewġ timijiet li jispiċċaw fil-11 u fit-12-il post tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier ikunu relegati, filwaqt li t-tim li jispiċċa fl-10 post irid jilgħab partita oħra kontra min jispiċċa fit-tielet post tal-klassifika tal-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni, u r-rebbieħ tagħha jilgħab fil-Kampjonat BOV Premier l-istaġun ta’ wara.

 

Dan kollu ġie approvat b’vot b’saħħtu mill-Membri tal-Kunsill tal-MFA li kienu tal-fehma li dan il-format se jġib aktar entużjażmu u interess mal-pubbliku sportiv u mad-dilettanti tal-futbol Malti.

 

Dawn id-diskussjonijiet kellhom il-bidu tagħhom f’Ottubru li għadda u flimkien mal-klabbs kienu mdaħħlin fil-laqgħat tad-diskussjonijiet anki membri tal-media, kowċis tal-klabbs u partitarji rispettivi li jirrapreżentaw lill-klabbs lokali.

 

L-MFA kienet bdiet id-diskussjonijiet billi preżentat tliet tipi ta’ kampjonati b’format differenti, konxja li x-xewqa għal xi tip ta’ bidla mill-klabbs lokali kienet ilha mistennija.

 

Finalment, wara diversi diskussjonijiet interni bejn l-Istanding Comittees rispettivi tad-diviżjonijiet u laqgħat oħra ma’ uffiċjali tal-MFA, intlaħaq qbil biex mill-istaġun li ġej se jkollna kampjonat li għandu jkun aktar kompetittiv u ġust.

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, deher sodisfatt ħafna b’dak kollu li l-klabbs irnexxilhom jaqblu fuqu. Qal li l-klabbs lokali urew maturita’ u ħasbu verament x’kien tal-aktar ġid għall-futbol Malti.

 

"Nieħu gost li qiegħdin nippreżentaw dan il-format il-ġdid tal-kampjonat u li l-maġġoranza tal-membri jaqblu fuq dak propost. Is-sabiħ ta’din l-Assoċjazzjoni hu proprju l-fatt li d-diskussjoni hija waħda miftuħa u għalkemm mhux dejjem naqblu waqt id-diskussjonijiet, finalment dejjem naslu għall-aħjar deċżjonijiet għall-ġid tal-futbol Malti. Nirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq din ir-riforma matul l-aħħar xhur u nawgura li jkollna kampjonat interessanti u li joffri kompetizzjoni mill-bidu sal-aħħar,” qal Darmanin Demajo. 

Official Sponsors
Commercial Partners