Malta Football Association
NEWS:
Kampjonat milgħub f’90 minuta
Apr 24, 2014
Posted in:
General
BOV Premier League
photo credit - Dominic Aquilina
photo credit - Dominic Aquilina

  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina

 

“Jekk niżbaljaw din il-partita nkunu armejna staġun sħiħ” – Paul Zammit

 

“Il-pressjoni qiegħda kollha fuq ic-Champions. Mhux se nibżgħu minn Birkirkara” –Andre’ Paus


 

Birkirkara FC, iċ-Champions tal-futbol Malti u Valletta FC, l-isfidanti ewlenija, tkellmu mal-media lokali għall-aħħar darba qabel l-aħħar konfront tal-istaġun tas-Sibt li ġej li se jiddeċiedi min se jirbaħ il-kampjonat bejn it-tnejn.

 

Birkirkara FC għandhom bżonn punt wieħed biss biex jikkonfermaw ruħhom mill-ġdid Champions tal-futbol Malti mentri Valletta FC iridu assolutament rebħa biex b’dawk it-tliet punti jkunu qabżu proprju lill-Karkariżi f’ras il-klassifika fl-aħħar partita tal-kampjonat.

 

Dalgħodu, iż-żewġ protagonisti ltaqgħu f’konferenza stampa organizzata mill-Malta Football Association fil-Grand Hotel Excelsior. Fuq in-naħa ta’ Birkirkara FC tkellmu il-kowċ Paul Zammit u l-captain Gareth Sciberras, mentri fuq in-naħa Beltija tkellmu l-kowċ Andre’ Paus u l-captain Ryan Fenech.

 

Zammit spjega kif din il-partita hi dik li kull plejer joħlom li jilgħab u jirbaħ biex jiċċelebra bl-aħjar mod rebħ ta’ kampjonat.

 

“Wasalna s’hawn. Żgur li ntenzjonati nibqgħu għaddejjin. Ilna staġun sħiġ fl-ewwel post u jekk nitilfuh fl-aħħar partita nkunu armejna staġun. Il-pressjoni li għandna fuqna hi l-istess bħalma kellna fl-ewwel partita tal-kampjonat. Irridu nirbħu kull partita.”

 

Andre’ Paus, kowċ ta’ Valletta kien kawt fl-ewwel kummenti tiegħu.

 

“Ilna staġun sħiħ inkunu protagonisti bħal Birkirkara. Konna nafu minn qabel li Birkirkara b’saħħithom f’kull dipartiment. Inkluż l-istaff tekniku li għandhom. Madankollu mhux se nibżgħu minnhom. Il-pressjoni qiegħda kollha fuqhom mhuz fuqna,” qal Paus.

 

Tkellmu wkoll iż-żewġ captains fejn min-naħa tiegħu, Gareth Sciberras għal Birkirkara qal li hu u sħabu jinsabu lesti għal din l-isfida.

 

“Ninsabu lesti. Għandi fiduċja f’kull membru tat-tim. Irridu niktbu l-Istorja. Kulħadd ta l-massimu tiegħu f’dan l-istaġun. Iżda f’dan il-mument ma nistax ninsa lill-partitarji grandjużi ta’ dan il-klabb li sibnihom warajna matul din it-triq li ilna mexjien.”

 

Fuq in-naħa l-oħra, Ryan Fenech wassal messaġġ lill-partitarji ta’ Valletta li jinsabu mxerrdin ma’ Malta kollha.

 

“Wasalna s’hawn u jonqosna l-aħħar partita. Irridu nirbħuha biex inġibu l-kampjonat lura fil-Belt. U wara din ikun imiss finali oħra. Għinuna naslu. Konvint li fl-aqwa tagħna kapaċi nirbħu lil kulħadd. Konxji mill-qawwa tal-Belt, madankollu għandna fiduċja fina nfusna.”

 

Il-partita tas-Sibt li ġej se tkun fotokopja ta’ dik tat-2 ta’ Mejju 1998. Dakinhar, Birkirkara bdew l-aħħar konfront tal-istaġun quddiem Valletta, iżda kienu tilfu l-aħħar konfront tal-istaġun, tilfu l-ewwel post u tilfu l-kampjonat.

 

Għall-partita tas-Sibt mistennija l-ikbar folla tal-istaġun u anki stadium mimli, tant li l-ġirja għall-bejgħ tal-biljetti tal-istadium ilha li bdiet mill-bidu tal-ġimgħa. Il-partita tibda fil-5.00pm u se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali.    

 

 

 

 

 

 

Mark Attard

Malta Football Association

Press Officer

Official Sponsors
Commercial Partners