Malta Football Association
NEWS:
Valletta FC u Sliema Wanderers FC jiltaqgħu fuq il-mejda jumejn qabel il-finali
Apr 29, 2014
Posted in:
General
Cups & Competitions
photo credit - Dominic Aquilina
photo credit - Dominic Aquilina

Iż-żewġ kowċis jaqblu fuq ħaġa waħda: “M’aħniex il-favoriti”

 

Valletta FC u Sliema Wanderers FC iltaqgħu għall-aħħar darba dalgħodu f’konferenza stampa organizzata mill-Malta Football Association, jumejn qabel il-finali tal-U*BET FA Trophy li se tintlagħab il-Ħamis 1 ta’ Mejju 2014, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, fil-5.00pm.


 

F’atmosfera trankwilla, iż-żewġ kowċis Andre’ Paus u Alfonso Greco u ż-żewġ captains Ryan Fenech u Alex Muscat, taw il-kummenti tagħhom lill-media preżenti u rrispondew għad-domandi kollha li sarulhom.

 

Paus, kowċ ta’ Valletta FC, fetaħ il-konferenza billi qal li jinsab kuntent li rnexxilhu jġib il-kampjonat fil-Belt u mil-lum se tibda l-ħidma ta’ jumejn biex jippruvaw jieħdu wkoll l-FA Trophy fit-toroq tagħhom.

 

“Ilbieraħ kellna sessjoni ħafifa bejnietna fejn aktar iċċajtajna milli tħarriġna. Iżda mil-lum se nibdew naħdmu bis-serjeta. Irridu nagħmlu d-double. Irrid li meta nikber u nsir nannu, lit-tfal tat-tfal ngħidilhom li f’Malta kont irbaħt id-double fi staġun wieħed. Bqajt impressjonat bil-festa li kien hemm fil-Belt is-Sibt filgħaxija. Nispera li nerġa nara dan kollu l-Ħamis filgħaxija. Iżda l-partita se tibda minn 0-0 u allura m’aħniex il-favoriti.”

 

Greco, il-kowċ ta’ Sliema Wanderers, ammetta li m’għandux skwadra b’saħħitha daqs dik Beltija iżda jinsab fiduċjuż li l-plejers tiegħu se jagħtu l-aħjar prestazzjoni possibbli.

 

“Jekk wieħed jara d-differenza tal-plejers bejn iż-żewġ timijiet jinduna min hu l-favorit jew le. Nieħu l-okkażjoni biex nifraħ lil Valletta FC għar-rebħ tal-kampjonat. Għall-partita tal-Ħamis żgur li m’aħniex il-favoriti. Iżda f’partita waħda jista’ jiġri kollox. Nittamaw li fil-ġurnata nkunu l-aħjar tim fil-grawnd.”

 

Ryan Fenech, captain ta’ Valletta FC, qal li t-tim jinsab lest għal din l-isfida biex jipprova jirbaħ it-tieni unur tal-istaġun.

 

“Ninsabu lesti u preparati. Fil-plejers għandna plejers, bħali, li qatt ma rbaħna d-double. Għandna oħrajn li qatt ma rebħu l-FA Trophy. Irridu nerġgħu niċċelebraw. Irridu nagħmlu festa oħra fil-Belt. Sa nagħmlu ħilitna kollha biex flimkien inwettqu dan...biex flimkien niktbu l-Istorja.”

 

Alex Muscat, captain ta’ Sliema Wanderers, saħaq li hu u sħabu se jinżlu għal din il-finali b’serenita’ għaliex kontra Valletta m’għandhomx x’jitilfu.

 

“Aħna rilassati. Wara r-rebħ tal-Kampjonat BOV Premier minn Valletta, aċċertajna ruħna mill-Ewropa u għalhekk minn dan il-lat naqqasna ħafna mill-pressjoni li kellna fuqna. F’Ta’ Sliema ilu ma jiġi unur diversi snin. L-aħħar unur li rbaħna kien proprju l-FA Trophy, u proprju fil-finali kontra Valletta. Dakinhar ma konniex il-favoriti u rbaħna. Din id-darba l-istess, u nistgħu nirbħu wkoll.”

Official Sponsors
Commercial Partners