


“Għandkom it-talent u x-xorti li tilbsu l-flokk nazzjonali. Kunu kburin b’dan” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni
Dr. Simon Busuttil, Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Nazzjonalista, kellu żjara ta’ kortesija lbieraħ tard wara nofsinhar fit-training grounds tal-Malta Football Association, fejn żar lill-plejers nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tal-kowċ Sergio Soldano u l-istaff tekniku kollu ta’ din l-iskwadra.
Dr. Busuttil intlaqa’ minn Fr Hilary Tagliaferro, wieħed mill-Ambaxxaturi maħtura apposta għal dan it-tournament u minn Robert Gatt u Jesmond Abela, Direttur Tekniku u Segretarju ta’ dan it-tim nazzjonali, rispettivament.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sab il-ħin biex isellem u jieħu b’idejn il-plejers u l-istaff kollu tal-MFA li kienu preżenti għal waqt din iż-żjara. F’kelmtejn li għamel, hu saħaq li kull plejer li se jkun magħżul għal dan it-tournament għandu jħossu kburi li se jirrapreżenta lil Malta.
“Għandkom it-talent u x-xorti li tilbsu l-flokk nazzjonali. Kunu kburin b’dan. Importanti żżommu f’moħħkom li kulħadd se jkun iffukat fuq il-prestazzjonijiet tagħkom. Għandi fiduċja sħiħa li se tkunu qegħdin tagħtu l-mija fil-mija tagħkom. U għal dan kollu diġa’ ħaqqkom kull tifħir.”
Fr. Hilary Tagliaferro, f’isem l-MFA, irringrazzja lil Dr Busuttil u lid-delegazzjoni kollha tal-Partit Nazzjonalista li attendew għal din iż-żjara. Fil-preżenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Fr Hilary reġa’ wassal messaġġ liż-żgħażagħ Maltin.
“M’aħniex nippretendu mirakli. Konxji tal-qawwa tagħna u konxji tal-qawwa tal-avversarji li se tkunu qegħdin tiffaċjaw. Iżda kif qalilkom tajjeb ħafna Dr Busuttil, l-importanti hu li tagħtu dak kollu li tafu. Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-Partit Nazzjonalista tal-appoġġ li dejjem taw lit-timijiet nazzjonali kollha.”
Qabel ma ntemmet iż-żjara, Dr Busuttil ġie ppreżentat bi gwarniċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena u bil-flokk nazzjonali Malti l-ġdid li se jkunu qegħdin jilagħbu bih il-plejers f’dan it-tournament.
Għal din iż-żjara, flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni, kien hawn preżenti Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport u Trevor Degiorgio mill-Partit Nazzjonalista. Preżenti wkoll l-Membru Parlamentari Ewropew, l-Onorevoli Roberta Metsola u l-kandidat għal din l-istess elezzjoni, Jonathan Shaw.
