Malta Football Association
NEWS:
“Ejjew u ingħaqdu magħna f’dan l-avveniment uniku u nazzjonali”– Bjorn Vassallo
May 5, 2014
Posted in:
photo credit - Dominic Aquilina
photo credit - Dominic Aquilina

Erbat ijiem qabel il-ftuħ uffiċjali tal-UEFA Under 17 European Championship li se jsir f’pajjiżna bejn id-9 u l-21 ta’ dan ix-xahar, l-appell ta’ Bjorn Vassallo, Kap Eżekuttiv tal-Malta Football Association, kien wieħed imqanqal fejn sostna li dan se jkun tournament ta’ darba u li qatt fl-Istorja tal-futbol Malti ma kellna xi ħaġa kbira bħal din organizzata mill-impjegati u l-voluntiera tal-Assoċjazzjoni.


 

“Issa għamilna kull ma stajna. Wasalna fi stat fejn nistgħu ngħidu li kollox hu preparat u jekk ma jkollnix xi sorpriżi, kollox għandu jmur kif ippjanat. Nappella lill-poplu Malti: Ejjew u ingħaqdu magħna f’dan l-avveniment uniku u nazzjonali.”

 

Malta tiftaħ l-impenji tagħha f’dan il-Kampjonat Ewropew il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju fis-6.00pm bil-partita kontra l-Ingilterra, fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. It-tieni partita ta’ Malta tintlagħab fis-12 ta’ Mejju fil-Gozo Stadium fit-3.15pm kontra l-Olanda u l-aħħar partita mill-fażi ta’ Grupp A tkun fil-15 ta’ Mejju kontra t-Turkija fil-11.00am, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.

 

Fil-konferenza stampa li saret apposta biex taġġorna lill-media lokali bl-aħħar żviluppi dwar dan it-tournament tkellem ukoll Joe Cassar, Deputat Segretarju Ġenerali tal-MFA u Chairman tal-LOC Organising Committee li saħaq li kollox jinsab f’postu u diġa’ bdew jaslu f’Malta il-kontinġenti.

 

“Dalgħodu waslu l-Iskozja. U diġa’ waslu 150 partitarju ta’ timijiet differenti li ġew apposta għal dan it-tournament. Għada għandhom jaslu f’pajjiżna l-ekwipaġġ kollu ta’ Europsort TV. In-nies tal-UEFA li se jaħdmu fuq dan it-tournament diġa qegħdin f’pajjiżna u ltqajna magħhom. Fiduċjużi li se jkollna organizazzjoni tajba ħafna.”

 

Norman Saliba, Kap tat-Taqsima Marketing tal-MFA, ukoll tkellem fuq dan it-tournament u saħaq kemm kienet effettiva u ta’ suċċess il-kampanja ‘Reach Out’.

 

“Issa wasalna lejn l-aħħar u tista’ tgħid li l-kampanja ‘Reach Out’ hija magħluqa. Ħriġna ’il fuq minn 30,000 biljett għall-partiti kollha u nisperaw li jkollna attendenzi tajbin għall-partiti kollha, speċjalment fejn se jilgħab it-tim nazzjonali. F'ċerti partiti l-biljetti kumplimtari saħansitra inħarġu kollha

 

Għal dawk li jixtiequ jattendu għal dawn il-partiti um akellhomx iċ-ċans li jakkwistaw biljetti permezz tal-kampanja REACH OUT, ser ikunu jistgħu jixtru biljetti li għalihom Il-prezzijiet inżammu baxxi apposta.”

 

Il-prezzijiet tal-partiti huma:

Single match ticket – 2 euro

Group Stage Block Ticket – 4 euro

Semifinals – 5 euro

Final – 5 euro

 

Intant, Mark Attard, Press Officer tat-tournament u tat-tim nazzjonali Malti ħabbar li għada se titħabbar l-iskwadra nazzjonali ta’ Malta magħżula minn Sergio Soldano, kowċ nazzjonali, u din se tintbagħat lill-media lokali kollha.

Official Sponsors
Commercial Partners