Archives

It-tim nazzjonali jitlaq lejn l-Islanda

Published: 17-06-2014 11:35
image1 (102)
Illum wara nofsinhar it-tim nazzjonali Malti tan-nisa mmexxi minn Pierre Brincat se jħalli pajjiżna f’titjira lejn l-ajruport ta’ Heathrow f’Londra, biex minn hemm jaqbad titjira oħra li tieħdu lejn Reykjavik, l-Islanda u għandu jasal għal ħabta tal-11.10pm, ħin lokali. It-tim nazzjonali se jkun qiegħed jilgħab it-tmien partita tiegħu valida minn Grupp 3 tal-FIFA Women’s World Cup 2015.  Il-partita se tintlagħab il-Ħamis 19 ta’ Ġunju fil-Laugardalsvollur Stadium, f’Rejkavik, fis-6.00pm ħin lokali, u se tkun ikkontrollata mir-referee Severine Zinck mill-Federazzjoni Franċiża. Wara t-telfa li sofrejna l-ġimgħa l-oħra kontra s-Serbja bl-iskor ta’ 5-0, it-tim nazzjonali se jkun qiegħed jipprova jwettaq wirja aħjar minn dik ta’ ftit jiem ilu. Iżda m’hemmx dubju li l-kontinġent kollu jinsab konxju mill-qawwa tal-avversarji tagħna, tant li f’Ta’ Qali, kontra l-istess skwadra ftit tax-xhur ilu, konna tlifna bl-iskor ta’ 8-0. Il-plejers nazzjonali se jitħarrġu għada filgħaxija fis-6.00pm, fl-istess stadium li se tintlagħab il-partita u l-kontinġent Malti hu mmexxi minn Ludovico Micallef, Viċi President tal-MFA. L-iskwadra kollha li sejjaħ Pierre Brincat għal din il-partita hi: Goalkeepers: Keoney Demicoli, Maria-Assunta Farrugia Difensuri: Francesca Chircop, Rebecca D’Agostino, Stefania Farrugia, Jade Flask, Natasha Pace, Kimberly Parnis, Alishia Sultana, Dionne Tonne, Gabriella Zahra, Charlene Zammit, Shona Zammit, Midfielders: Brenda Borg, Alesia Caschetto, Antoinette Sammut, Claudette Xuereb Attakkanti: Martina Borg