Archives

MFA Awards 2014

Published: 20-06-2014 15:50
image1 (102)
Is-serata tal-MFA Awards 2014 se ssir il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju 2014 mit-8.00pm ’il quddiem fl-Istadium Nazzjonali f’Ta Qali, fuq il-pitch in-naħa tas-South Stand. Dan tħabbar f’konferenza stampa organizzata mill-MFA illum wara nofsinhar u li fiha tkellmu Bjorn Vassallo, Kap Eżekuttiv, u Dr. Chris Bonett, Viċi President tal-MFA.    Vassallo fetaħ il-konferenza billi rringrazzja lil kull min hu involut f’din is-serata finali li tirrikjedi ħafna xogħol u dedikazzjoni filwaqt li tippremja lil dawk li kienu l-aħjar fl-istaġun li għadda. “Fatt pożittiv hu li fil-kompetizzjonijiet domestiċi kollha tal-istaġun li għadda jidher li kien hemm żieda fl-attendenzi ta’ 10%. Il-Kampjonat BOV Premier irreċistra żieda ta’ aktar minn 9% waħdu. Iż-żieda kienet riflessa anki fil-partiti tal-U*BET FA Trophy,” qal Vassallo. Dr. Chris Bonett, Viċi President tal-MFA, u Chairman tal-Bord li qiegħed jorganizza dawn l-awards din is-sena qal li s-serata se tibda għal ħabta tat-8.30pm ta’ filgħaxija u se tixxandar diretta fuq TVM 2. Hu żvela li l-preżentaturi se jkunu Rodney Vassallo minn PBS, Pamela Schembri minn ONE u Christian Micallef minn NET. “Is-serata se tkun ta’ sagħtejn. Invitati aktar minn 1000 persuna. Il-familja tal-futbol lokali għandha okkażjoni ta’ darba f’sena li kulħadd ikun magħqud flimkien u se nerġgħu nagħmlu serata bħal tas-sena l-oħra,” qal l-Avukat Bonett. Bonett ħabbar ukoll l-awards li se jkunu qegħdin jingħataw fis-serata. Dawn huma: Fair Play Award, Youth League Best Player Award, Top Scorers tad-Diviżjonijiet kollha, BOV Women’s Best League Player, BOV 3rd Division Best Player, BOV 2nd Division Best Player, BOV 1st Division Best Player, Gozo Player of the Year, Referees Awards, Best Foreign Player Award, Coach of the Year Award, President’s Award, Goal of the Year Award u l-Footballer of the Year. Tkellem ukoll Peter Cossai, Kap tat-Taqsima Sport ta’ PBS, li min-naħa tiegħu sostna li l-istazzjon nazzjonali jaħdem id f’id mal-MFA u allura ma setax jonqos li avveniment bħal dan ma jixxandarx dirett. “Bħalma għamilna s-sena l-oħra se nerġgħu nagħmlu din is-sena, jiġifieri xandira ta’ kwalita’ għolja għat-telespettaturi. PBS se jkompli jxandar il-partiti diretti mill-Kampjonat BOV Premier u tat-tim nazzjonali Malti għas-snin li ġejjin,” qal Cossai.