Archives

Donazzjoni lill-Puttinu Cares mill-plejers tat-tim nazzjonali A

Published: 24-06-2014 11:20
image1 (102)
Il-plejers tat-tim nazzjonali Malti tal-irġiel, il-bieraħ wara nofsinhar, kienu involuti f’ġest ta’ karita’ mill-isbaħ, fejn żaru r-Rainbow Ward fl-isptar Mater Dei u taw donazzjoni lil Rennie Zerafa, f’isem Puttinu Cares, u fil-preżenza ta’ Angele Cuschieri. Id-donazzjoni kienet il-line-up bonus tal-partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Faro, il-Portugall, ix-xahar li għadda, kontra Ġibilta’. Għal kull logħba kemm jekk ta’ ħbiberija u kif ukoll jekk kompetittiva, l-iskwadra ta’ plejers magħżula mill-kowċ nazzjonali jirċievu bonus u din id-darba dan ingħata kollu għal dan l-għan ferm nobbli.  Il-kontinġent Malti, immexxi minn Bjorn Vassallo, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni, kien jinkludi diversi plejers nazzjonali u l-kowċ nazzjonali Pietro Ghedin. Minbarra donazzjoni fi flus, il-plejers taw rigali oħra lit-tfal, fosthom blalen Adidas li bħalhom qiegħdin jintużaw waqt it-Tazza tad-Dinja fil-Brasil. Il-plejers kienu wkoll disponibbli għar-ritratti mat-tfal. Vassallo spjega li f’dawn l-aħħar snin, saret xi ħaġa normali ħafna li l-Assoċjazzjoni tkun involuta f’ġesti ta’ responsabbilta’ soċjali. “Hu ta’ pjaċir kbir għalina li ngħinu kull fejn nistgħu. Din id-darba kienu l-plejers nazzjonali tagħna li ħassew li għandhom jagħtu donazzjoni bi flushom. Wieħed ma jistax ma jammirahomx u jfaħħarhom ta’ dan il-ġest. Il-futbol jgħaqqad u jferraħ u għalhekk għandu saħħa kbira fil-komunita’.” Rennie Zerafa, f’isem Puttinu Cares, kellu kliem ta’ tifħir lejn l-MFA u l-plejers nazzjonali ta’ Malta. Hu sostna li l-MFA dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tgħin lit-tfal li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu Cares. Din kienet attivita’ oħra relatata ma’ numru ta’ inizzjattivi soċjali li l-MFA dejjem kienet minn ta’ quddiem fl-appoġġ tagħhom lejn kull min hu fil-bżonn. Preżenti wkoll waqt din l-attivita’ kien hemm Maria Mifsud, Deputat Segretarju tal-MFA u responsabbli mill-FSR (Football Social Responsibility) u Ivan Vella, Team Manager tat-tim nazzjonali Malti.