Malta Football Association
NEWS:
Mario Muscat jgħaqqad il-500 partita fil-Kampjonat Premier u jirtira
Aug 25, 2014
Posted in:
General
BOV Premier League
Photo: Domenic Aquilina
Photo: Domenic Aquilina

  • Photo: Domenic Aquilina
  • Photo: Domenic Aquilina
  • Photo: Domenic Aquilina
  • Photo: Domenic Aquilina
  • Photo: Domenic Aquilina

Mario Muscat, l-eks-gowlkiper nazzjonali ta’ Malta u ta’ Hibernians FC, ilbieraħ lagħab l-aħħar partita tal-karriera tiegħu fir-rebħa ta’ 2-1 li l-Pawlisti kisbu kontra Qormi FC fl-aħħar sekondi tal-konfront. 


Muscat kellu karriera brillanti ma’ Hibernians FC fejn magħhom lagħab 488 partita. L-istaġun li għadda lagħab 12-il partita ma’ Vittoriosa Stars. Hu ddebutta fil-Kampjonat Premier Malti fit-8 ta’ Settembru tal-1993 taħt il-kowċ Brian Talbot fi draw ta’ 1-1 bejn Hibernians FC u Rabat Ajax FC.

Ikkuntattjat minn mfa.com.mt, Muscat qal li xtaq jirringrazzja lill-kowċis, amministraturi, partitarji u lill-President Tony Bezzina li miegħu lagħab għal 21 sena bil-flokk ta’ Hibernians FC.

“Għalija sodisfazzjon enormi. Unur kbir li lgħabt dawn is-snin kollha u kważi dejjem bil-flokk ta’ Hibernians FC. Irbaħt anki l-unur tal-Football Of The Year magħhom.

“Lgħabt 21 sena. Naħseb li biżżejjed. Il-futbol milgħub spiċċa għalija. Se nikkonċentra aktar fil-kowċing tal-gowlkipers u l-iskola tiegħi.”

Mario Muscat ta servizz ukoll lit-tim nazzjonali Malti. Hu kien iddebutta fil-15 ta’ Novembru tal-1996 fil-partita barra minn darna kontra l-Emirati Arab Maqgħuda u b’kollox libes il-flokk ta’ Malta għal 68 darba.

Ludovico Micallef, Viċi President Anzjan tal-Malta Football Association, ilberaħ qabel il-partita ppreżenta lil Mario Muscat unur kommemorattiv, bħala rikonoxximent għas-servizz li ta lill-futbol Malti matul is-snin li għaddew. Fl-istess waqt ingħata wkoll rikonoxximent minn Tony Bezzina, President ta’ Hibernians FC u mill-Hibernians FC Supporters Club.

Il-Malta Football Association tawgura lil Mario Muscat l-isbaħ futur possibbli u tirringrazzjah tas-servizz kbir li ta lill-futbol Malti.

Official Sponsors
Commercial Partners