Archives

Silvio Vella: intervista jumejn qabel Malta vs Turkija

Published: 03-09-2014 10:00
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
image4 (101)
 Mark AttardPress Officer, Tim Nazzjonali ta’ taħt il-21 sena  Jumejn qabel l-ewwel partita ta’ Silvio Vella bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, is-sit uffiċjali tal-Assoċjazzjoni, www.mfa.com.mt, sab il-ħin biex jitkellem miegħu fuq din l-iskwadra li sa ftit ġimgħat ilu kienet taħt ir-responsabbilta’ ta’ Ray Farrugia, li nħatar assistent ta’ Pietro Ghedin mat-tim nazzjonali tal-kbar. Hu se jkun assistiet minn Ronald Vella, kowċ ieħor mill-aktar professjonali li kien ukoll l-assistent ta’ Ray Farrugia f’dan it-tim qabel ma ngħaqad mal-kbar.  Silvio Vella m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fl-isport Malti, speċjalment fil-futbol. Eks-plejer nazzjonali ta’ Malta għal 90 darba u beda l-karriera tiegħu ma’ Rabat Ajax FC, sakemm ingħaqad ma’ Hibernians FC.  Vella għadu kemm temm żmien sinifikattiv ukoll bħala kowċ ta’ Rabat Ajax. Persuna riservata u stmata minn kulħadd li minbarra l-karriera brillanti li kellu bħala difensur nazzjonali, illum il-ġurnata, l-esperjenza tiegħu qiegħda tgħin mhux ftit biex iż-żgħażagħ li jgħaddu minn taħt idu joħorġu l-aqwa potenzjal tagħhom.  L-ewwel partita għalih tintlagħab il-Ġimgħa 5 ta’ Settembru 2014 kontra t-Turkija. Partita valida minn Grupp 7 ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2015, fir-Repubblika Ċeka. Partita li se tkun ikkontrollata mir-referee Iralndiż, Neil Doyle.  MA: Int il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena. X’inhi l-opinjoni tiegħek ta’ din l-iskwadra li se tkun qiegħed tmexxi?SV: “Naħseb li hi skwadra valida ħafna. Hawn plejers ta’ talent minkejja ċ-ċokon tagħna iżda wieħed ma jistax ma jirrimarkax in-nuqqas ta’ diversi plejers. Bejn ħames u sitt plejers ingħajtu mat-tim tal-kbar u dak jieħu priorita’. Nisperaw li nkunu xorta ta’ sfida denja.”  MA: Kif qiegħed tipprepara għall-partita kontra t-Turkija?SV: “Il-preparazzjoni tagħna bdiet il-Ħamis li għadda u se nkunu ltqajna u tħarriġna flimkien għal seba’ darbiet biss qabel il-konfront tal-Ġimgħa. Din se tkun l-aħħar partita ta’ Grupp 7 u għalhekk nistennew il-poloz il-ġodda tal-kompetizzjoni li jmiss. L-ewwel tliet sessjonijiet kienu aktar biex jiddeterminaw il-kundizzjoni fiżika li jinsabu fiha l-plejers. L-aħħar erba' sessjonijiet li qiegħdin isiru bħalissa se nikkonċentraw aktar fuq it-tattika u t-teknika.”  MA: Għandek xi pjan li se taddotta biex tipprova trażżan is saħħa tat-Turkija?SV: “It-Turkija ġejjin f’Malta bl-aktar skwadra b’saħħitha possibbli. Warajna jibqgħu sejrin l-Isvezja għall-aħħar konfront tagħhom f’dan il-Grupp. Se jkollhom possibbilta’ kbira li jikkwalifikaw bit-tieni post. Jiddependi mir-riżultati kollha tal-aħħar ġurnata tal-Grupp. Bi ftit ħin ta’ preparazzjoni li kellna, żgur li għal kontra t-Turkija, mhux se nilħqu nibdlu ħafna tattikament . Irridu nkunu konċentrati tul id-90 minuta u nagħlqu d-difiża bl-aħjar mod. Meta nirbħu l-pussess se nippruvaw noħorġu u nattakkaw u niskurjaw. Mhux se tkun faċli”  MA: Kif tara l-futur ta’ dan it-tim bi plejers ġodda li beħsiebek issejjaħ?SV: Wara l-partita kontra t-Turkija se jkolli nsejjaħ prattikament skwadra ġdida peress li ħafna mill-plejers se jkunu qabżu l-eta’ li tippermettilek tilgħab f’kompetizzjoni ta’ taħt il-21 sena. Diġa’ għandi lista ta’ plejers li rrid insegwi fil-Kampjonati rispettivi. Minbarra l-BOV Premier, irrid nagħti titwila serja lejn il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni. Ħafna plejers imxew għal hemm biex isibu iktar spazju regolari u jilagħbu. L-għan tagħna jibqa’ li meta grupp ta’ plejers ikunu waslu biex jispiċċaw, ikollna oħrajn lesti biex jieħdu posthom mill-ewwel.”  MA: Kif kienet l-esperjenza tiegħek bħala assistent ta’ Pietro Ghedin fit tim tal-kbar?SV: “L-esperjenza tiegħi bħala assistent ma’ Pietro kienet xi ftit qasira iżda konna ilna nafu lil xulxin snin twal peress li kien anki kowċ tiegħi meta kont plejer nazzjonali, fiż-żmien li hu kien diġa’ ġie f’Malta bħala l-kowċ nazzjonali. M’hemmx dubju li Ghedin kowċ mill-iktar professjonali u ta’ esperjenza kbira. Kien tagħni għajnuna kbira biex insir teknikament aħjar meta kont plejer u ċert li qiegħed jagħmel hekk anki llum mal-plejers preżenti. Grazzi għalih, illum ninsab f’pożizzjoni li ngħallem lil ħaddieħor dak li tgħallimt mingħandu.”  MA: X’inhu l-appell finali tiegħek għall-partita tal-Ġimgħa lill-plejers u lill-pubbliku sportiv Malti?SV: “Il-plejers tagħna jagħmlu sagrifiċċji kbar. Jitħarrġu kuljum u ħafna minnhom wara x-xogħol. U ninsab ċert li dan kollu jiġi apprezzat mill-pubbliku Malti. Għalhekk nispera li l-Ġimgħa jkollna folla sabiħa warajna għal din l-aħħar partita minn dan il-Grupp”