Malta Football Association
NEWS:
“It-Torok ġew f’Malta biex jirbħu u jikkwalifikaw. Aħna se nippruvaw ma nħalluhomx” – Silvio Vella
Sep 4, 2014
Posted in:
Ryan Camenzuli u Clyde Borg, flimkien ma' Silvio Vella u Mark Attard, waqt il-konfernza stampa ta' dalgħodu. Ritratt: Domenic Aquilina
Ryan Camenzuli u Clyde Borg, flimkien ma' Silvio Vella u Mark Attard, waqt il-konfernza stampa ta' dalgħodu. Ritratt: Domenic Aquilina

  • Ryan Camenzuli u Clyde Borg, flimkien ma' Silvio Vella u Mark Attard, waqt il-konfernza stampa ta' dalgħodu. Ritratt: Domenic Aquilina
  • Silvio Vella. Ritratt: Domenic Aquilina
  • Ritratt: Domenic Aquilina
  • Ritratt: Domenic Aquilina

“It-Torok ġew f’Malta biex jirbħu magħna u jikkwalifikaw. Iżda wara l-partita ta’ għada jibqgħu sejrin l-Isvezja għall-aħħar partita tagħhom minn Grupp 7. Qegħdin b’ċans tajjeb li jgħaddu għall-fażi finali. Aħna se nippruvaw ma nħalluhomx.”


 

Dan kien l-ewwel diskors li qal Silvio Vella, kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena meta dalgħodu ndirizza lill-media lokali f’konferenza li saret fil-lukanda Sea Bank, fil-Mellieħa, fejn it-tim nazzjonali jinsab alloġġjat.

 

Vella fetaħ il-konferenza billi qal li l-preparazzjoni tat-tim bdiet il-Ħamis li għadda u b’kollox it-tim se jkun tħarreġ seba’ darbiet sal-partita ta’ għada. Hu qal li l-iskwadra Maltija se jkollha lil Daniel Zerafa u Jean Paul Farrugia neqsien minħabba li jinsabu sospiżi.

 

“It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena hu l-aħħar tarġa li plejer jista’ juri li għandu potenzjal biex jagħmilha mat-tim tal-kbar. U proprju bħalissa għandna sitt plejers minn din l-iskwdra li ssejħu mal-kbar. L-għan taċ-Ċentru Tekniku għandu jibqa’ li jagħtina kemm jista’ jkun partiti internazzjonali sakemm jasal il-mument ta’ kompetizzjoni oħra.”

 

Vella awgura l-isbaħ futur u suċċess lill-plejers bħal Bjorn Kristensen, Zach Muscat, Steve Pisani u Ryan Scicluna li flimkien ma’ Zerafa u Farrugia li jinsabu sospiżi, irnexxilhom jiġu promossi mat-tim tal-kbar anki jekk għadhom jistgħu jilagħbu l-partita ta’ għada.

 

“L-ikbar inkwiet tiegħi għall-partita ta’ għada hu li mhux il-plejers kollha qegħdin jilagħbu regolari mal-klabbs tagħhom. Oħrajn li jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni sfortunati li l-kampjonat tagħhom għadu anqas beda,” temm jgħid Vella.

 

Intant, fl-istess konferenza tkellmu wkoll Clyde Borg u Ryan Camenzuli, Captain u Vice-Captian tat-tim.

 

Borg ikkonferma dak li qal il-kowċ li se jkunu tħarrġu flimkien seba’ darbiet biss sal-Ġimgħa.

 

“Konxji mis-saħħa tat-Torok. Diġa’ lagħbna magħhom f’pajjiżhom u nafu xi jsarrfu. Ġew f’Malta biex jirbħu u jikkwalifikaw. Aħna se nippruvaw biex tal-inqas nieħdu punt u jekk jiġi ċ-ċans nirbħu wkoll. Nafu li mhux se tkun faċli iżda se nippruvaw", qal Borg.

 

Camenzuli qal li f’din l-aħħar partita tal-Grupp se jippruvaw jagħmlu minn kollox.

 

“L-għan tagħna hu li nkunu ta’ sfida denja. Mhux se nħalluhom jgħaddu minn fuqna kif iridu. Fl-istess ħin irridu nżommu lilna nfusna kkonċentrati u nibdew naħsbu fil-kompetizzjoni li jmiss,” sostna Camenzuli.

 

Il-partita bejn Malta u t-Turkija tintlagħab għada fl-Istadium Nazzjonali u tibda fis-6.00pm. Id-dħul fl-istadium għall-pubbliku se jkun b’xejn.

 

 

Mark Attard, Press Officer, Tim Nazzjonali 

Official Sponsors
Commercial Partners