Malta Football Association
NEWS:
Mill-Kunsill tal-Malta Football Association
Sep 15, 2014
Posted in:

Jirraporta Mark Attard, Media Officer tal-MFA

 

Il-mewt ta’ John Camilleri, eks-President ta’ Floriana FC

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association fetaħ it-tieni laqgħa tal-Kunsill tal-istaġun 2014/15 billi fakkar il-memorja ta’ John Camilleri, eks-President ta’ Floriana.

“Ma tantx kont nafu personali iżda nassumi li kienet persuna kif inħobbom jien, li jaħdem mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Għalhekk xtaqt li nagħmlu ftit minuti ta’ silenzju għalih bħala rispett,” qal il-President tal-MFA.


Malta Football Referees Association

 

Darmanin Demajo qal li l-Malta Football Referees Association talbu laqgħa urġenti miegħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-grawnds f’Għawdex. Hu qal li jammetti li l-‘fence’ tal-Gozo Stadium għadu ma sarxx iżda ma jħossx li għalissa hi xi ħaġa urġenti. Il-President fakkar li f’Malta, l-istess, għandna stadiums fejn min irid jista’ jaqbeż fil-pitch, inkluż fl-Istadium Nazzjonali, u anki fis-Sirens u l-Mosta Stadium.

Hawnhekk intervejna Lorry Sammut, President tal-MFRA, fejn saħaq li jħoss li għandu jasal u jitranġa kollox bil-kelma t-tajba u huma kellhom kelma mill-Gozo Football Association li kollox se jittranġa sa data li ilha li għaddiet. Sammut qal li f’Malta għad għandna referees ikunu xogħol f’ċerti stadiums li m’humiex ta’ sigurta’.

 

Intervjena Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, fejn qal li reġa’ tkellem mal-persuni responsabbli fil-GFA u dawn intrabtu b'ġurnata sakemm għandhom jitlestew ix-xogħlijiet kollha. Vassallo fakkar li l-inċidenti fuq ir-referees f’pajjiżna huma mill-iktar minimi u għalhekk ma jaħsibx li hemm lok għall-paniku rigward dan kollu.

 

 

Birkirkara FC vs Balzan Youths FC

 

Darmanin Demajo rraporta lill-Kunsill li Membru tal-Kumitat ta’ Birkirkara FC u ‘guest’ ieħor f'isem l-istess klabb u Membru f'Bord tal-MFA, ġew irrapurtati b’imġieba skorretta wara l-partita tal-weekend li għadda kontra Balzan Youths. Il-każ kien riferut għall-Bord tal-Kontroll u Dixxipplina tal-MFA.

 

Emendi fir-regolamenti tal-Youth Players

 

Dr Chris Bonett, Viċi President tal-MFA, qara tliet regolamenti li kienu proposti minn klabbs membri u mill-Youth FA u li kienu resqu bħala rakomandazzjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv quddiem il-Kunsill Ġenerali tal-MFA għall-plejers li jaqgħu taħt il-kategorija tal-Youth FA.

 

L-ewwel emenda kienet tgħid li plejer li għandu tal-inqas 16-il sena għandu jissellef mill-klabb oriġinali tiegħu biex jilgħab ma’ klabb ieħor u l-klabb oriġinali tiegħu ma jistax jitlob kumpens għalih għal dak l-istaġun.

 

It-tieni emenda tirrigwarda ċ-ċertifikat mediku tal-plejers. L-Avukat Bonett qara l-proposta li dan jibda jiġi mitlub mill-plejers kollha u mhux biss lil dawk il-plejers li għandhom 18-il sena jew aktar.

 

It-tielet emenda kienet tgħid li ċ-ċertifikat mediku għall-plejers li għandhom 17-il sena jew aktar jibqa’ validu għal 24 xahar mentri ta’ dawk ta’ bejn it-12 u s-16 il sena jibqa’ validu għal 36 xahar.

 

L-emenda ġiet approvata mill-Kunsill tal-MFA, bl-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

 

Il-każ Trevor Templeman

 

Dr Chris Bonett fakkar li l-MFA kienet irċiviet ittra fil-21 ta’ Marzu 2014 iffirmata mill-Avukat personali ta’ Trevor Templeman. F’din l-ittra, Templeman kien talab biex jiftaħ kawża quddiem il-Qorti ta' Malta kontra Marsaxlokk FC. L-MFA ma kinitx aċċettat din it-talba. 

 

Bonett fakkar li r-regolamenti tal-MFA jgħidu li jekk plejer ikun reġistrat ma’ ‘amateur’ klabb il-plejer ma jistax ikollu kuntratt professjonali. 

 

Skont ir-regolamenti, il-plejer ingħata ‘ir-release’. Jekk kemm- il darba l-plejer jiffirma ma’ xi klabb, l-MFA tinfurma lill-klabb ta’ Marsaxlokk FC. Jekk isir hekk il-klabb li jakkwista s-servizzi ta' Templeman irid jagħti kumpens lil Marsaxlokk FC u jekk fuq dan ma jintlaħaqx ftehim, ikun il-‘Complaints Board’ li jiddeċiedi fuq iċ-ċifra tat-trasferiment.

 

 

L-MFA tirċievi ittra ta’ rikors fuq Floriana FC

 

Darmanin Demajo qal li l-MFA irċiviet ittra mingħand Johann Said, eks-President ta’ Floriana, f’isem il-kumpanija tiegħu, G & A Investments Ltd, fejn ordnat li kull tip ta' finanzi li jidħol fl-MFA u li hu proprjeta’ ta’ Floriana FC, irid jingħadda lill-kumpanija tiegħu minħabba flus li għandu jieħu mingħand l-istess klabb.

 

Darmanin Demajo appella lill-klabbs kollha biex meta jiġi xi ħadd ġdid joħroġ il-flus l-amministraturi tal-klabb ikunu ċara miegħu u jekk hemm bżonn jiffirma dikjarazzjoni jekk il-flus hux qed jagħtihom jew jislifom lill-klabb. Il-President tal-MFA qal li mhux sew li bniedem jidħol fi klabb u għall-aġenda personali tiegħu, u meta jfettillu jitlaq u jħalli lill-klabb f'djun kbar għal snin twal.

 

Floriana diġa’ ħallsu lil Said aktar minn 100,000euro iżda jidher li għad hemm somma sostanzjali li Said qiegħed jallega li fadallu jieħu.

 

“Fejn jidħlu l-prinċipji tal-futbol, il-Malta Football Association lesta tiddefendi kull każ quddiem kwalunkwe Qrati,” temm jgħid Darmanin Demajo.

Official Sponsors
Commercial Partners