Malta Football Association
NEWS:
Telfa minima f’maltempata u f’kesħa "Skandinava"
Oct 22, 2014
Posted in:

 

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena kellu telfa oħra minima ta’ 2-1 kontra l-Fillandja fl-aħħar ħarġa minn Grupp 8 ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej, f'partita li ntlagħbet f'Jakovo, is-Serbja. B’din it-tielet telfa, it-tim nazzjonali baqa’ bla punt minn dan il-Grupp, iżda wieħed għandu għalfejn iħares lejn dan it-tim b’ottimiżmu, anki għax f’dawn it-tliet ħarġiet, dejjem ħareġ bl-unuri.

 

Il-partita tal-lum intlagħbet f’kesħa kbira, riħ qawwi u xita li ma qatgħet xejn. L-atmosfera kienet waħda ta’ aktar viċin xi partita li tintlagħab fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa fl-Iskandinavja, meta l-kesħa tkun ixxoqq il-għadam. Żgur li jekk kien hemm tim li ma sofrix minn din is-sitwazzjoni kien biss il-Fillandja.

 

Il-partita kienet waħda fejn il-plejers tagħna reġgħu wrew il-pożittivita’ ta’ futbol sabiħ li tipprova dejjem tmur fuq l-offensiva, tattakka u tiskurja. Qatt ma ħasewhom inferjuri u m’hemmx dubju li dan kollu ħaqqu l-mertu tiegħu Sergio Soldano, il-kowċ nazzjonali ta’ din l-iskwadra li ħallas lura lill-MFA tal-fiduċja kollha li kienet uriet fih bl-aħjar mod possibbli billi daħħal mentalita’ rebbieħa u professjonali.

 

Dan kollu tixhdu anki s-sit uffiċjali tal-UEFA, fejn l-istatistika turi żbilanċ assolut favur Malta fejn jidħlu azzjonijiet u attakki lejn il-lasti. Nota ta' attenzjoni huma t-tentattivi ta' gowl lejn il-lasti avversarji, 22 għal Malta u 9 għall-avversarji. Prova oħra ta' kemm-il futbol kultant jiskantak kif minn daqs dawk ċansijiet ta' skor, irnexxielna nsibu x-xibka darba biss.

 

Il-plejers kollha flimkien mal-kontinġent immexxija minn Robert Gatt u Jesmond Abela ħaqqhom kull tifħir. Diffiċli biex wieħed jirrimarka plejer Malti fost skwadra sħiħa, iżda wieħed ma jistax ma jsemmix il-klassi ta’ Myles Beerman, plejer li ġibed l-attenzjoni tal-pajjiżi l-kbar bl-intelliġenza tiegħu meta fil-pussess tal-ballun u anki mingħajr. L-iskola “Manchester City” ħierġa fl-aqwa tagħha u dan kollu jpoġġih bħala l-plejer “klassi” tal-futur għal din il-gżira f’nofs il-Baħar Mediterran.

 

Għall-kronaka, Maenpaa poġġa lill-Fillandiżi fil-vantaġġ wara 16-il minuta logħob u fit-tieni taqsima, Malta ħarġu l-aħjar tim u Beerman dam biss ħames minuti biex ġab il-gowl tad-draw. Draw li ma tantx dam jidgawda għax żewġ minuti wara, erġajna sibna ruħna gowl minn taħt skurjat minn penalty ta’ Lingman.

 

Il-formazzjonijiet u aktar dettalji jinsabu hawn isfel:


Official Sponsors
Commercial Partners