Malta Football Association
NEWS:
Jintemm il-Kunsill tal-MFA
Oct 29, 2014
Posted in:

Jirraporta Mark Attard, Media Officer, MFA

 

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, fetaħ il-Kunsill billi talab minuta silenzju b'rispett lejn omm Carmel Farrugia, membru tal-Kunsill f'isem Qrendi FC, missier Alvin Grech, President tal-Gozo Football Association u Alfred Ancilleri, eks-plejer ta' Vittoriosa Stars, li ħallew din id-dinja matul l-aħħar xahar.


 

Darmanin Demajo radd ħajr u rringrazzja lil Joe Baldacchino, President ta' Marsaxlokk FC, u preżentalu tifkira bħalma dejjem sar talli kien qiegħed jattendi l-Kunsill għall-ewwel darba f'isem il-klabb tiegħu.

 

Hu qal li l-MFA irċiviet ittra mingħand iċ-Chambers of Advocates fejn kienet tgħid li mhux sew li l-Assoċjazzjoni għandha regolament li kien jgħid li l-ebda delegat ma jista' jkun Avukat. Huma talbu biex tinbidel din ir-regola. Il-President semgħa l-opinjoni ta' xi wħud mill-kunsilliera u talab biex jekk hawn xi ħadd li jaħseb li dan ir-regolament għandu jinbidel għandu jressaq emenda għal-Laqgħa Ġenerali Annwali.

 

Il-President tal-MFA qal li l-Assoċjazzjoni rċiviet ittra uffiċjali mingġand Sepp Blatter, President tal-FIFA, fejn kien qiegħed jagħmilha uffiċjali li se jerġa' jikkontesta l-kariga tiegħu fil-kungress tal-FIFA li jmiss fit-28 u d-29 ta' Mejju li ġej. Darmanin Demajo kkonferma li għall-istess kariga diġa' qal uffiċjalment li se jikkontestaha Jerome Champagne, eks-membru tal-FIFA u ma eskludix li jkun hemm ħaddieħor.

 

Floriana FC infurmaw lill-Kunsill tal-MFA li kienu se jinvestigaw l-'accountability' ta' Johann Said, eks-President tal-klabb, fiż-żmien meta kien imexxi l-klabb tagħhom.

 

Michael Cutajar, Membru tal-Kunsill f'isem St. George's, intervjena waqt il-Laqgħa u semma l-każ ta' Johann Vella, Membru tal-Kumitat u tal-Kunsill f'isem St. Venera Lightnings FC. Cutajar qal li mhux sew li fuq ħmerija li ġrat waqt partita ta' St. Venera Lightnings FC, din il-persuna waħlet sena sospiża minn kull attivita' fil-futbol. Hu qal li jħoss li r-regolament hu iebes wisq meta jgħid li meta xi ħadd jeħel aktar minn sitt xhur, jiġi sospiż minn kull attivita', anki għaliex minn sitt xhieda li kellu Vella ma sab lil ħadd biex jixhed favurih waqt li nstema' l-każ. Darmanin Demajo issimpatizza ma' Vella u qal li jiddispjaċih għal dak li ġara iżda f'dan l-istadju l-Kunsill ftit li xejn seta' jagħmel xi ħaġa. 

 

Ħareġ ukoll li l-plejer Mark Ellul ta' Għaxaq FC, li fil-bidu tal-istaġun kien instab pożittiv għal test tad-doping, ġie sospiż għal sentejn minn kull attivita' tal-futbol. Is-sospensjoni lil Ellul ħarġet uffiċjalment mill-FIFA.

 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal li l-MFA kienet irċiviet ittra mingħand Dr Ian Spiteri Bailey, l-Avukat tal-plejer James Shield, li talab permess biex ifittex lil Tarxien Rainbows FC fuq xi differenzi bejn iż-żewġ partijiet. Vassallo qal li l-Eżekuttiv ma qabilx li l-plejer ifittex personalment bil-Qorti ta' Malta lill-klabb iżda ġew infurmati li l-każ se jmur fil-Players Complaint Board.

 

Qam il-każ ta' Hamrun Spartans FC u l-plejer Sylvano Comvalius fejn Darmanin Demajo qal li fl-Eżekuttiv ġie deċiż l-klabb irid iħallas is-somma ta' 28,130euro spejjeż li huma marbutin ma' dan il-każ. Darmanin Demajo qal l-isfortuna f'każ hekk kienet li ġrat għall-ewwel darba hu messet lil Ħamrun Spartans. Hawnhekk intervjena Victor Cassar f'isem Hamrun Spartans fejn qal li hu kien l-ewwel wieħed li kif inqata' l-każ, ċempel personalment u rringrazzja lil kull uffiċjal tal-MFA. Iżda hu qal li l-klabb tiegħu qatt ma kellu tort f'dan il-każ minħabba l-fatt li kien iggwidat ħażin mill-MFA. Hu qal li dan ir-regolament qatt ħadd ma kien jaf bih u kellu jkun dan il-każ tal-klabb tiegħu li fetaħ għajnejn kulħadd. Hu qal li Hamrun Spartans kienu rreġistraw lil Sylvano Comvalius f'Ottubru u kien ilu jitħarreġ mal-Hamrun għal ġimgħat sħaħ sakemm lagħab l-ewwel partita. Cassar qal li l-ebda klabb mhu se jħallas kumpens ta' 128,000euro biex jirreġistra xi plejer. Ittieħdet votazzjoni biex tiġi kkonfermata d-deċiżjoni tal-Eżekuttiv u din spiċċat bi 30 vot favur, 8 voti kontra u 14-il vot ta' astenzjoni.

 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal li l-Eżekuttiv tal-MFA ikkonferma lil Mark Marlow bħala l-kowċ nazzjonali Malti tat-tim tal-futsal.

Official Sponsors
Commercial Partners