Malta Football Association
NEWS:
“Se nipprova dejjem inżomm lil sħabi pożittivi”
Nov 13, 2014
Posted in:
General
Fanzone
Photos: Domenic Aquilina
Photos: Domenic Aquilina

  • Photos: Domenic Aquilina

Mark Attard, Media Officer, Tim Nazzjonali ta' Taħt il-21 sena

 

Ryan Camenzuli, ftit jiem qabel l-ewwel partita tat-tim il-ġdid taħt it-tmexxija ta’ Silvio Vella, u li għalih se tkun l-ewwel waħda bħala l-captain ta’ dan it-tim, ġie intervistat mis-sit www.mfa.com.mt.


 

F’din l-intervista, Camenzuli jgħid li kif din l-aħbar ingħatatlu mill-kowċ nazzjonali, mill-ewwel ħass responsabbilta’ iktar minn qabel u rringrazzja lill-istess kowċ Silvio Vella, liċ-Ċentru Tekniku kollu u lill-MFA tal-fiduċja li lkoll urew fih.

 

“Unur personali. Li tkun il-captain tat-tim nazzjonali ta’ pajjiżek mhux xi ħaġa li tiġri kuljum lil kulħadd. Qatt ma stennejt li se nkun l-aktar plejer f’dan it-tim li lgħabt partiti għat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. Inħoss xi ftit tar-responsabbilta’ żejda u m’hemmx dubju li se nipprova dejjem inżomm lil sħabi pożittivi,” jgħid Camenzuli fl-ewwel kummenti tiegħu.

 

Il-plejer ta’ Birkirkara FC twieled fit-8 ta’ Settembru 1994 u sa min-nursery dejjem libes il-flokk tar-raħal tiegħu. Jiġi ħu William Camenzuli, eks-plejer ta’ Floriana FC u Birkirkara FC, u preżentament plejer ma’ Kirkop United FC.

 

Ryan Camenzuli lagħab 11-il partita bil-flokk ta’ Malta ta’ taħt il-21 sena. Tagħmlu l-iktar plejer li lagħab għal din l-iskwadra fil-mument u l-partita ta’ ħbiberija tal-Ħadd li ġej kontra l-Azerbaijan se tkun l-ewwel waħda li fiha se jilbes il-faxxa l-bajda ma’ jdejh ix-xellugija.

 

“Għadni kemm kont ftit imweġġa’. Iżda t-tim preparat sew u kif suppost. Nemmen li nistgħu nġibu riżultat tajjeb. Tajt titwila lejn il-lista tal-plejers li se nilgħabu kontriehom u jidher li mhu se tkun faċli xejn. L-Azerbaijan diġa’ għandhom plejers li jilagħbu ma’ klabbs professjonali. Madankollu naqbel li din il-partita kellha ssir peress li l-iskwadra għada ġdida u l-kowċ għandu bżonn jipprova l-plejers.”

 

Camenzuli jirrakonta kif kienu l-ewwel jiem ta’ taħriġ b’ħafna plejers ġodda peress li dawk l-aktar stabbiliti qabżu l-eta’ li tippermettielhom jilagħbu f’din il-kategorija.

 

“Qegħdin grupp ta’ plejers dixxipplinati ħafna. Jekk mhux b’saħħitna ħafna fiżikament m’hemmx dubju li teknikament dan hu l-aqwa tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena li personalment qatt kont fih. Fit-taħriġ diġa’ drajna lil xulxin sew u qisna familja waħda.”

 

Camenzuli kien plejer regolari fl-aħħar partiti minn Grupp 7 li lagħbet Malta u li sfortunatament baqgħet bla punt f’qiegħ il-klassifika. Minn dak il-grupp naqsu ħafna plejers li issa jistennew biex tasal il-ġurnata li jissejħu fit-tim tal-kbar, sakemm uħud minnhom mhux diġa’ ssejħu. Fosthom, il-plejer Sacha Borg, li kien jaqsam il-kamra proprju ma’ Camenzuli meta l-iskwadra tkun fl-irtir.

 

“Kellna grupp iebes ħafna. Nammetti li stajna tajna ħafna aktar. Ir-riżultati ma tantx kienu favurina. Sibna pajjiżi bħall-Polonja, l-Iżvezja u t-Turkija li huma fost l-aqwa timijiet Ewropej f’din il-kategorija ta’ taħt il-21 sena. Ninsab eċċitat ħafna għall-poloz li jmiss li se jitilgħu Frar li ġej. Nafu li bħal dejjem se nitilgħu ma’ timijiet tajbin. Madankollu m’aħniex se nibżgħu. Fl-aħħar snin il-polza ma tatnix pajjiżi ta’ attrazzjoni bħall-Italja, il-Ġermanja, Spanja u l-Ingilterra. Iżda minkejja dan tatna pajjiżi b’saħħithom daqshom u mhux ta’ attrazzjoni.”

 

Dan se jkun it-tielet grupp differenti minn din il-kategorija ta’ taħt il-21 sena li se jilgħab Ryan Camenzuli. Kien issejjaħ l-ewwel darba f’din l-iskwadra mill-kowċ Ray Farrugia, meta kien għadu jagħmel parti mill-iskwadra nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena. Skwadra li issa għaddiet taħt ir-responsabbilta’ ta’ Silvio Vella, eks-plejer nazzjonali Malti tas-Snin ’80.

 

“Ma’ Silvio Vella sejrin tajjeb ħafna. Ħdimna teknikament fuq ħafna aspetti, kif inżommu l-forma tat-tim u kif nattakkaw u ma nħallux spazji fuq wara. Hemm fiduċja u mentalita’ rebbieħa fost il-plejers. Nemmen li t-tattika għandha tibqa’ f’kull tim sakemm ikun sejjer tajjeb jew sakemm ma jkollix xi plejers regolari neqsien. Iżda l-aħħar kelma għandha tkun dejjem tal-kowċ.”

 

Napprofitta ruħi mis-sitwazzjoni u nisraqlu kelma fuq Birkirkara FC u l-prestazzjonijiet tagħhom s’issa fil-Kampjonat BOV Premier.

 

“Għadna ma qbadnix ir-rittmu tal-konsistenza. Iżda partita wara partita qegħdin dejjem inkunu aħjar. Fadal triq twila għar-rebħ tal-kampjonat iżda ħadd ma jista’ jiċħad li Hibernians FC qegħdin b’saħħithom ħafna din is-sena. Nemmen li sal-aħħar se nkunu hemm magħhom għar-rebħ tat-titlu.”

 

Lejn l-aħħar ta’ din l-intervista, Ryan Camenzuli jappella lill-partitarji Maltin biex il-Ħadd li ġej fit-3.00pm, jattendu bi ħġarhom fil-Hibernians Stadium, f’Kordin, biex jappoġġjaw lilu u lil sħabu f’din il-partita ta’ ħbiberija kontra l-Azerbaijan. Id-dħul se jkun b’xejn.

 

“Nispera li l-pubbliku jgħina. Xi ħaġa frustranti għalina li kultant nilgħabu ‘home’ u nisimgħu lill-pubbliku avversarju jagħmel storbju aktar milli jagħmlu l-Maltin.”

 

U x’inhi l-ħolma li fadallu Ryan Camenzuli fil-futbol?

 

“Ovvjament li xi darba nissejjaħ fit-tim nazzjonali tal-kbar. Xewqa ikbar minn dik li sirt captain tat-tim ta’ taħt il-21 sena. Jekk xi darba tasal, se naċċetta mill-ewwel.”

Official Sponsors
Commercial Partners