Malta Football Association
NEWS:
“Għada se jiddebuttaw ħafna plejers. Irrid nesperimenta” – Silvio Vella
Nov 15, 2014
Posted in:
Ritratti: Domenic Aquilina
Ritratti: Domenic Aquilina

  • Ritratti: Domenic Aquilina

“Għada se jiddebuttaw ħafna plejers. Għalihom se tkun l-ewwel partita bil-flokk nazzjonali Malti f’dan it-tim ta’ Taħt il-21 sena. L-għana tagħna hu li nkunu preparati kemm jista’ jkun għall-partiti kompetittivi li jibdew wara Frar tas-sena d-dieħla.”

 

Dan kien id-diskors li fetaħ bih Slivio Vella, il-kowċ nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena, fil-konferenza stampa li saret dalgħodu, ġurnata qabel il-partita ta’ ħbiberija ta’ għada kontra l-Azerbaijan li tibda fit-3.00pm u tintlagħab fil-Hibernians Stadium, f’Kordin.

 

Vella qal li b’din l-iskwadra beda billi sejjaħ 22 plejer sakemm kellu jagħżel it-18 finali għal din il-partita.

 

“Din l-iskwadra għandha 18-il plejer li ġejjin minn 11-il klabb differenti. Bdejna nitħarrġu bħala grupp mit-Tnejn imma ngħaqadna kompletament mit-Tlieta. Illejla għandna l-aħħar taħriġ flimkien qabel il-partita ta’ għada,” qal Vella.

 

Mistoqsi fuq il-kundizzjoni u l-fiżika tal-plejers, il-kowċ nazzjonali qal li ma jidhirx li hemm xi plejers b’xi injuries u l-kundizzjoni tidher tajba għal kulħadd.

 

“Illejla nħabbar il-formazzjoni tal-ewwel ħdax. Bħala plejers se jiddebuttaw ħafna. L-istess kif se jagħmlu l-avversarji tagħhom. Rajt ftit partiti tagħhom u jidhru tim veloċi u b’saħħtu. Tipikament Russi,” qal Vella.

 

Għall-konferenza stampa kienu msejħa wkoll żewġ plejers, Llywelyn Cremona u Daniel Zerafa li taw il-kummenti tagħhom lill-media lokali.

 

Cremona qal li t-tim ilu magħqud mit-Tnejn u faħħar il-ħidma tal-kowċ Silvio Vella.

 

“Il-kowċ u l-istaff tekniku kollu ħadmu ħafna fl-aħħar jiem. Ninsabu preparati għal Ħadd li ġej imma l-iktar importanti għalina se jkunu l-partiti ta’ wara Frar li ġej. Irridu li jkollna prestazzjonijiet tajbin ħafna aktar milli kellna fl-aħħar Grupp.”

 

Daniel Zerafa ddeskrieva l-partita ta’ għada bħala sfida kbira kontra tim b’saħħtu ħafna.

 

“Partita diffiċli ħafna u l-Azerbaijan tim b’saħħtu. L-iżvantaġġ tagħna hu li ftit nafu lil xulxin imma partiti bħal dawn jgħinuna biex inkunu preparati għall-partiti validi mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej tas-sena d-dieħla.”


Official Sponsors
Commercial Partners