Malta Football Association
NEWS:
Taħt il-21 sena: Malta turi qalb u grinta
Nov 16, 2014
Posted in:
Ritratti: Domenic Aquilina
Ritratti: Domenic Aquilina

  • Ritratti: Domenic Aquilina

Mark Attard, Media Officer, Tim Nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena

 

It-tim nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella kellu wirja ta’ kuraġġ li fiha wera qalb, grinta u determinazzjoni billi qasam il-logħob mal-avversarji tiegħu l-Azerbaijan u spiċċa l-partita bi skor ta’ 0-0.

 

Kienet ġurnata ideali għall-partita futbol. Il-Hibernians Stadium f’Kordin kien fi stat perfett u l-ħin tat-3.00pm ippermetta lill-plejers kollha biex jilagħbu partita sabiħa f’ġurnata bellezza. Ħasra li għal darb’oħra l-pubbliku Malti ma kienx xi wieħed li rrikorra bi ħġaru biex jagħmel id-differenza fl-appoġġ bejnha u bejnhom, li prattikament ma’ kellhom lil ħadd.

 

Għal din il-partita, Vella kellu ħafna plejers ġodda li lagħbu u taw dak kollu li jafu. Id-difiża ħadmet għall-perfezzjoni u għalqet kull spazju possibbli. Nofs il-grawnd, l-aktar fl-ewwel taqsima beda jkun veloċi u dejjem avvanza lejn il-lasti tal-Azerbaijan, b’Ryan Camenzuli u Luke Montebello li ma waqfu xejn iqassmu l-ballun lil xulxin u jniżżluh lura lejn sħabhom.

 

L-ikbar ċans fl-ewwel taqsima wasal f’saqajn il-Maltin meta Montebello ġera għall-ballun li rċieva minn pass fit-tul u kif kien se jqabbżu lill-gowlkiper avversarju ra sieq tfixxklu minn dak li kellu jkun gowl ċert.

 

Ftit wara Johann Bezzina ġie f’siequ l-ikbar ċans tal-partita meta b'xutt mill-ewwel fl-arja minn tarf il-kaxxa ż-żgħira spiċċa bil-ballun jaħbat ma’ ras il-gowlkiper avversarju u jispiċċa f’corner.

 

Fit-tieni taqsima, Malta kellha ċans kbir ieħor li tiftaħ l-iskor meta ħarba tajba ta’ Ryan Camenzuli mal-linja, spiċċat bil-plejer jaqbeż difensur avversarju, iżda l-cross tiegħu kien ċentimetri errat minn ras Montebello biex ma laħaqx jitfa’ f’xibka xojta.

 

L-Azerbaijan kellhom il-mumenti tagħhom ukoll, l-aktar fit-tieni taqsima iżda d-difiża Maltija mmexxija minn Daniel Zerafa, Samir Arab, Cain Attard u Emanuel Briffa dejjem ħarġet bl-unuri.

 

Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll il-wirja li ta nofs il-grawnd tat-tim nazzjonali tagħna. Llywelyn Cremona, Brandon Muscat, Kyle Cesare u Johann Bezzina ħadmu ħafna. Antiċipaw u ħolqu ħafna u m’hemmx dubju li obdew l-istruzzjonijiet kollha li tahom Silvio Vella qabel il-partita.

 

Bħalma kienu Yenz Cini u Jurgen Borg li fil-lasti Maltija wrew garanzija li bihom hemm xi ħadd li tista’ sserraħ rasek. Kif wara kollox kienu dawk kollha li ġew mibdula fit-tieni taqsima u li flimkien bħala grupp wieħed ġabu riżultat pożittiv għal Malta fl-ewwel partita bħala grupp ġdid ta’ plejers.

 

Wieħed jawgura li dan it-tim jibqa’ magħqud kif inhu u jrabbi aktar kunfidenza għall-partiti mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni tas-sena d-dieħla, wara l-poloz li jitilgħu fi Frar li ġej.

 

Grazzi u Forza Malta!


Formazzjoni tat-timijiet kienu dawn:

 

Malta – Cini (Borg), Briffa, Arab, Zerafa (Johnson), Camenzuli, Montebello (Spiteri), Bezzina (Agius), Muscat, Cesare (Borg), Cremona, Attard

 

Azerbaijan – Magomedaliev, Topcu, Karimov, Badalov, Ilter, Alaskarov, Budagov, Isayev, Salahli, Masimov, Akdag

 

Referee – Zbynek Proske (Repubblika Ċeka)

Official Sponsors
Commercial Partners