


Mark Marlow, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal, tkellem ġurnata qabel l-ewwel partita tat-tournament ta’ ħbiberija li hu r-raba’ wieħed tax-xorta tiegħu organizzat mill-MFA u li minbarra t-tim nazzjonali tagħna se jipparteċipaw fih is-Serbja u Ġibilta’.
Marlow tkellem fuq l-aħħar 10 t’ijiem ta’ taħriġ ta-tim nazzjonali Malti u kif il-plejers qegħdin jidraw lil xulxin anki jekk fit-tim hemm diversi minnhom li għadhom ġodda.
“L-aħħar 10 t’ijiem ħdimna sew u sibt koperazzjoni kbira mill-plejers anki jekk kellna xi problemi li ridna nsolvu. Xi ħaġa sabiħa ħafna li qiegħed naħdem ma’ dan il-grupp ta’ plejers. Sibt għajnuna kbira mill-FMA u l-MFA, minn Robert Gatt u mill-istaff tekniku tiegħi kollu. Inħossni grat lejn l-MFA li fdatni f’din il-kariga.”
Dawn kienu l-ewwel kummenti li ta Marlow f’konferenza stampa li saret illum wara nofsinhar u li għaliha kienu preżenti wkoll Matthew Mifsud u Nicola Del Re, captain u vice captain tat-tim nazzjonali rispettivament.
Il-kowċ nazzjonali spjega kif għal dan it-tournament qegħdin jippreparaw bl-aħjar mod possibbli, anki jekk jafu li s-Serbja hu tim ta’ saħħa kbira f’dan l-isport, tant li jinsabu fit-8 post tar-ranking tal-UEFA tal-futsal.
“Dalgħodu kellna laqgħa interessanti ħafna ma’ Adele Muscat biex nippreparaw anki mentalment. Spjegat lill-plejers u kkonvinċithom ikunu aktar kunfidenti fihom infushom u biex ma jibżgħux minn tim bħas-Serbja.”
Tkellem ukoll fuq it-taħriġ tal-plejers nazzjonali tal-aħħar jiem.
“Qegħdin nippreparaw mill-ħin qasir li kellna. Irridu nkunu lesti u preprati bl-aħjar mod għal Jannar li ġej. Għandi ħames plejers ġodda u rrid naħseb fil-futur tal-iskwadra. Dan it-tournament se jgħinni ħafna biex nara l-plejers tagħna sa fejn iwasslu.”
Mistoqsi fuq il-plejer Xavier Saliba u għala tħalla barra, Marlow wieġeb li mal-plejer tkellem personalment u m’hemm l-ebda problema personali.
“Jien il-kowċ u jien irrid nara x’inhu l-aħjar tat-tim. Kull plejer f’Malta hu eliġibbli li jilgħab fit-tim nazzjonali u l-bieb mhu magħluq għal ħadd. Saliba aċċetta l-problema li spjegajtlu li għandu u qiegħed jaħdem fuqha. Kif jirranġaha jerġa’ jibda jifforma parti mill-iskwadra nazzjonali,” temm Marlow.
Matthew Mifsud min-naħa tiegħu qal li jispera li l-esperjenza tiegħu u ta’ oħrajn bħalu twasslu biex jgħin aktar lil dawk li għadhom ġodda fit-tim.
“Għandna żewġ logħbiet ibsien ħafna. Is-serbja fost l-aqwa fl-Ewropa. Ġibilta’ nistgħu nirbħu. L-esperjenza tiegħi uritni li fil-futsal kull logħba diffiċli u ma tista’ tafda lil ħadd. Għandna diversi plejers ġodda u rridu naħdmu bihom għall-futur.”
Nicola Del Re iqis dan it-tournament bħala test importanti għall-partiti ta’ Jannar li ġej.
“Dan hu test importanti għalina. Bit-taħriġ li qegħdin nagħmlu ċert li xi ħaġa tajba se nagħmlu żgur. Bħala grupp ingħaqadna sew u issa anki dawk ġodda bdew jidraw is-sistema tat-tim nazzjonali.”
