Malta Football Association
NEWS:
Roderick Fenech u Massimo Grima sospiżi għal għomorhom
Dec 10, 2014
Posted in:
General
BOV Premier League

Il-Malta Football Association tavża li l-Bord li Jiġġudika Akkuzi in Konnessjoni mal-Korruzzjoni u l-Imħatri Lleċiti fil-Futbol, wassal id-deċiżjoni tiegħu lill-MFA, dwar il-każ kontra Roderick Fenech u Massimo Grima.


 

L-akkużi fil-konfront tal-plejers kienu s-segwenti:

 

1.     Massimo Grima u Roderick Fenech kienu akkużati b’atti ta’ korruzzjoni billi avviċinaw lil Andrea Cassar b’intenzjoni li jinfluwenzaw jew ibidlu f’att anti-sportiv il-kors normali jew ir-riżultat tal-partita bejn Hamrun Spartans FC u Hibernians FC tad-19 ta’ Jannar 2013 u dan bi ksur tal-artikli 2, 3 u 6 tar-“Regolamenti fuq tixħim u logħob tal-azzard f’partiti tal-futbol.”

 

2.   Massimo Grima u Roderick Fenech kienu akkużati b’involviment f’atti jew prattiċi ta’ korruzzjoni b’relazzjoni mal-partita bejn Hamrun Spartans FC u Birkirkara FC tat-13 ta’ Frar 2013 u dan bi ksur tar-regolamenti 2, 3 u 6 tar-“Regolamenti fuq tixħim u logħob tal-azzard fejn għandu x’jaqsam il-partiti tal-futbol.”

 

3.     Roderick Fenech kien akkużat waħdu illi naqas li jinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-MFA sa 24 siegħa minn meta sar jaf bl-offiża msemmija f’Artiklu 3 tar-“Regolamenti fuq logħob tal-azzard fuq partiti tal-futbol,” li qabel il-partita bejn Hamrun Spartans FC u Balzan Youths FC tas-17 ta’ Novembru 2012 meta hu, flimkien ma’ Gianluca Calabretta, kien avviċinat minn Julian Friggieri u Elton Borg bl-intenzjoni li jinfluwenzaw jew ibiddlu b’mod anti-sportiv il-kors normali tar-riżultat tal-partita msemmija u dan bi ksur ta’ Artiklu 8 tar-regolamenti msemmija.

 

Il-Bord fid-deċiżjoni tiegħu għamila ċara li m’hemmx post fil-futbol għall-persuni li jinqdew bid-dedikazzjoni u l-akkaniżmu sportiv taż-żgħażagħ tagħna biex jilħqu l-għanijiet qarrieqa u qerrieda tagħhom li jnawwru s-sabiħ tal-kompetizzjoni sportiva u lanqas hemm post għal dawk il-persuni involuti f’Kumitati u f’karigi oħra li minkejja li ma jkunux direttament involuti fit-tixħim u xiri ta’ plejers, jagħmlu ta’ bi ruħhom li ma jafux x’qed jiġri f’ta’ madwarhom meta l-korruzzjoni sistematika tkun tali li tagħmilha kważi impossibbli li persuna b’kapaċita intellettwali, anki jekk fqira, ma jxommuhiex minn seba’ mili ‘l bogħod. Min idawwar wiċċu biex ma jarax hu korrott daqs min jieħu l-flus.

 

Il-Bord, meta analizza dan il-każ, qal illi kien konxju ta’ dak kollu li kien għaddej fil-klabb ta’ Hamrun Spartans FC f’dak iż-żmien. Il-protagonisti f’dan il-każ għexu fi ħdan il-Hamrun Spartans FC tul iż-żmien ta’ din il-viċenda sfortunata għal dan il-klabb u l-partitarji leali tiegħu. L-ammissjoni tal-Korruzzjoni ta’ Hamrun Spartans FC minħabba żewġ membri tal-Kumitat tagħhom spiċċat waqqgħet lill-klabb fl-Ewwel Diviżjoni b’punti mnaqqsa.

 

Il-Bord qal ukoll illi kellu l-opportunita’ jqabbel u janalizza lix-xhieda kollha mressqa miż-żewġ naħat u l-Bord ħass illi l-MFA irnexxielha tipprova l-każ tagħha sa grad ta’ konvinċiment suffiċjenti fil-kofront taż-żewġ plejers.

 

Għalhekk, In vista ta’ dan, wara li qies kollox, il-Bord sab lill-akkużat Roderick Fenech ħati tal-ewwel, it-tieni u t-tielet akkuża waqt li sab lil Massimo Grima ħati tal-ewwel u t-tieni akkuża.

 

Wara li qies il-gravita’ ta’ dawn l-akkużi, l-Bord ikkundannahom għal skwalifika għal għomorhom minn kull attivita’ kalċistika.

 

Id-deċiżjoni hi appellabli taħt ir-regolamenti relattivi tal-Malta Football Association. 

Official Sponsors
Commercial Partners