Malta Football Association
NEWS:
Gowl għall-Istrina 2014… jinġabru €15,000
Dec 24, 2014
Posted in:
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

 

Gowl għall-Istrina 2014, l-attivita’ annwali organizzata mill-Malta Football Association u t-tliet stazzjonijiet televiżivi lokali (NET TV, ONE TV U TVM) ġabret is-somma sabiħa ta’ €15,000, meta lbieraħ wara nofsinhar, fil-Luxol Grounds, f’St. Andrew’s, saret festa ta’ futbol bil-parteċipazzjoni ta’ plejers nisa, irġiel u kif ukoll tfal. 


 

Il-qofol ta’ dan l-avveniment intlaħaq meta l-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Dr. Marie Louise Coleiro Preca, żaret lill-plejers li kienu qegħdin jipparteċipaw u rringrazzjathom tal-għajnuna tagħhom għall-Istrina 2014.

 

Kollox beda għal ħabta tal-4.00pm meta bdew jintlagħbu diversi partiti differenti. L-ewwel partita fuq il-pitch il-kbir kienet bejn tfal mill-iskola nazzjonali tal-iSport (NSS) u selezzjoni ta’ tfal minn Għawdex li bejniethom għamlu żewġ partiti ta’ ħbiberija . Wara beda jintlagħab tournament triangulari tan-nisa fejn ipparteċipaw il-maġġoranza tal-klabbs lokali li jipparteċipaw fil-futbol femminili.

 

Fl-ewwel sagħtejn ta’ attivita’ l-ikbar konċentrazzjoni kienet fuq it-tournament 5-a-side li beda jintlagħab bejn tmien timijiet, erbgħa f’kull grupp. Fosthom, kien hemm it-tim tal-MFA, tim tal-amministraturi tal-klabbs (Standing Committees), tim magħmul mit-tliet programmi tat-TV (Replay, L-Argument u Kontrattakk u tim mill-Għaqda Ġurnalisti Sport. Ma’ dawn ingħaqdu erba’ timijiet imħalltin magħmula minn plejers mill-klabbs kollha lokali mill-Kampjonat Premier sat-Tielet Diviżjoni. Preżenti wkoll isegwu dak kollu li kien għaddej kien hemm Bjorn Vassallo, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA u Chris Agius, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Innovazzjoni, flimkien ma’ Christian Micallef, Antvin Monseigneur u Peter Cossai. L-avvenimenti ittellgħu bil-kollaborazzjoni ta’ Rodney Pisani u Maria Mifsud, Deputati Segretarji tal-MFA responsabbli mill-Kompetizzjonijiet u kl-futbol tan-Nisa.

 

Il-Malta Football Association tirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem f’din l-attivita’ u lill-familja tal-futbol tal-ġenerożita li dejjem jturi ma’ dawk l-aktar fil-bżonn u f’isem l-amministraturi, l-plejers, l-uffiċjali tal-logħba u l-partitarji kollha, tawgura Milied hieni lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. 

Official Sponsors
Commercial Partners