Malta Football Association
NEWS:
Issir il-preżentazzjoni tal-FIFA Badges 2015
Jan 3, 2015
Posted in:
General
Referees News
Ritratti: Domenic Aquilina
Ritratti: Domenic Aquilina

  • Ritratti: Domenic Aquilina

Is-16-il uffiċjal tal-logħba fuq il-FIFA Panel għas-Sena 2015 se jkunu r-referees Adrian Azzopardi, Marco Borg, Clayton Pisani, Alan Mario Sant u Esther Azzopardi, l-assistenti referis Alan Camilleri, William Debattista, Mitchell Scerri, Edward Spiteri, Ingmar Spiteri, Jurgen Spiteri, Duncan Sultana u Roberto Vella, ir-referee tal-Futsal Franco Cachia u r-referees tal-Beach Soccer Stefan Pace u Jude Amin Utulu.


Dan tħabbar mid-Direttur tar-Refereeing Adrian Casha, il-Ġimgħa filgħaxija waqt serata organizzata mill-MFA fil-Lukanda Grand Hotel Excelsior, il-Furjana.  Il-preżentazzjoni tal-FIFA Badges saret mis-Segretarju Ġenerali Bjorn Vassallo u l-Viċi-President Alex Manfre’, li jokkupa wkoll il-kariga ta’ Chairman tar-Referees’ Committee.

 

F’diskors tal-okkażjoni, Adrian Casha stqarr li “dan huwa jum ta’ ċelebrazzjoni.  Tnax-il xahar ilu kien hemm min kien xettiku dwar il-progress li l-MFA kienet qed tagħmel fis-settur tar-refereeing u kien hemm min iddubita kemm fil-fatt nistgħu nħarsu lejn it-tazza nofsha mimlija, imma llum it-tazza hi ċertament mimlija għax ksibna lura r-raba’ FIFA Referee u tmien FIFA Assistant Referees.”

 

“Izda dan mhux kollox, għax Malta rnexxielha tikseb ukoll 2 promozzjonijiet minn total ta’ 23 uffiċjal li ġew promossi mill-UEFA għall-kategorija ogħla.  Fil-fatt, Clayton Pisani u Alan Mario Sant ġew promossi għall-Ewwel u t-Tieni Kategorija tal-UEFA rispettivament, wara li spikkaw fost ir-referees Ewropej fil-kategoriji tagħhom bil-punteġġi għolja li huma kisbu fl-aħħar 12-il xahar. 

 

Adrian Casha żied jghid li: “il-promozzjoni ta’ Clayton Pisani għandha sinifikat kbir għall-Assoċjazzjoni tagħna għax huma biss 35 pajjiż fl-Ewropa minn total ta’ 54 li għandhom referee fil-Kategorija Elite jew fl-Ewwel Kategorija tal-UEFA, u dan jindika b’mod ċar li l-livell tar-refereeing Malti huwa fost l-aħjar fix-xena internazzjonali. 

 

“L-istess nistgħu ngħidu għal Esther Azzopardi fix-xena femminili, Franco Cachia fil-Futsal u Jude Amin Utulu fil-Beach Soccer - it-tlieta li huma fost l-aħjar fl-Ewropa. 

 

“Clayton Pisani, Alan Mario Sant, Esther Azzopardi, Franco Cachia u Jude Amin Utulu bejniethom kisbu 6 promozzjonijiet fix-xena internazzjonali f’perjodu qasir ta’ 3 snin u nofs, filwaqt li n-numru ta’ referees lokali żdied b’44%.  Id-diversi skambji tar-referees ukoll ħallew il-frott mixtieq sabiex jogħla l-livell tar-referis Maltin, u hawnhekk l-MFA ma ħasbitx biss f’dawk l-uffiċjali li huma fuq il-Panel tal-FIFA imma wkoll f’dawk li mhumiex.

 

Dawn is-suċċessi fix-xena internazzjonali huma dovuti primarjament għad-dedikazzjoni tal-uffiċjali tagħna li warajhom għandhom tim amministrattiv li qed jaħdem kontinwament biex inkomplu ntejbu l-livell tagħhom.  Sa minn meta bdejna din ir-riforma f’Ġunju 2011, kellna viżjoni ċara ħafna u ma bżajniex nieħdu deċiżjonijiet li ma kinux daqshekk popolari, bħal meta bdilna referees u assistenti referees fuq il-Panel tal-FIFA kif ukoll meta naqqasna n-numru tar-referees fil-Kampjonat Premier għal 12. 

 

Adrian Casha temm jgħid li “wasal iż-żmien li wħud mir-referees internazzjonali jkunu professjonali u rridu wkoll inżidu n-numru ta’ referees tal-Futsal bil-possibilta’ li fis-snin li ġejjin ikollna t-tieni FIFA Referee tal-Futsal.”

 

Għal din is-serata attendew numru kbir ta’ referees, fosthom dawk żgħażagħ li bħalissa qegħdin jattendu l-Akkademja.

Official Sponsors
Commercial Partners