Malta Football Association
NEWS:
“Ħerqana biex inġibu l-ewwel punti għal Malta” – Mark Marlow
Jan 13, 2015
Posted in:
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

Mark Attard, Media Officer, Tim Nazzjonali Malti tal-futsal

 

“Ħerqana biex inġibu l-ewwel punti għal Malta f’tournament uffiċjali tal-UEFA. Ikun riżultat storiku jekk jiġi xi draw jew rebħa. S’issa ħadd ma rnexxilu jagħmel dan imma aħna se nippruvaw. Dan it-tournament qegħdin inħarsu lejh b’ottimiżmu kbir u ilna nippreperaw ħafna għalih.”

 

Dawn kienu l-ewwel kummenti li ta Mark Marlow, kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal f’konferenza stampa miftuħa għall-media u li saret dalgħodu, ġurnata qabel l-ewwel partita ta’ kwalifikazzjoni mit-tournament tal-UEFA, Rawnd Preliminari Grupp E.


Malta tilgħab l-ewwel partita għada fis-7.30pm kontra l-Ingilterra. It-tieni partita tintlagħab il-Ħamis fis-7.30pm kontra l-Andorra u t-tielet u l-aħħar partita tintlagħab is-Sibt fis-6.30pm kontra l-Latvja. Il-partiti se jsiru kollha fil-Padiljun tal-Kordin u d-dħul għall-pubbliku se jkun mingħajr ħlas.

 

“Għall-futur nixtieq nibni tim bi plejers aktar żgħażagħ. Għal dawn il-partiti ninsabu preparati u lgħabna żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra s-Serbja u Ġibilta’. Xorta nħoss li ma lagħbnix biżżejjed partiti u dan hu l-uniku diżappunt li għandi. Jeħtieġ li fil-futur ikollna aktar tournaments bħal dawn u partiti ta’ ħbiberija biex intejbu l-livell tagħna,” sostna Marlow.

 

Għall-konferenza stampa kienu mistiedna wkoll Matthew Mifsud, il-gowlkiper u l-captain tat-tim nazzjonali Malti, flimkien ma’ Xavier Saliba, il-plejer nazzjonali.

 

Mifsud qal li dan hu l-mument tal-verita’ u li hu u sħabu jridu juru li dak li tħarrġu għalih isarrfuh waqt dawn il-partiti.

 

“Żmien il-partiti ta’ ħbiberija spiċċa. Issa qed nitkellmu fuq il-partiti ta’ vera. Għandna quddiemna tliet partiti importanti. Inħoss li għamilna progress u avvanz u issa wasal iż-żmien li nsarfu dan kollu waqt dawn il-partiti,” qal Mifsud.

 

Xavier Saliba qiegħed jirritorna fl-iskwadra nazzjonali wara li kien eskluż minn Marlow għall-aħħar żewġ partiti ta’ ħbiberija. Marlow, fl-aħħar konferenza stampa, kien żvela li l-plejer kellu problema ta’ piż żejjed iżda kien lest li jikkunsidrah jekk jagħmel titjieb fil-kundizzjoni fiżika tiegħu. U hekk għamel...

 

“Inħoss li preparajna sew għal dawn il-partiti. Nixtiequ nġibu l-ewwel punti għal Malta u b’impenn sħiħ ċert li jirnexxielna. Nafu kemm huma b’saħħithom l-avversarji tagħna iżda ninsabu preparati għal dan ukoll. Nixtieq nirringrazzja lil kull min appoġġjani fl-aħħar jiem,” qal Saliba.

 

Malta tinsab fil-45 post tar-Ranking tal-UEFA u fis-96 post tar-Ranking tal-FIFA fil-futsal, iżda din il-pożizzjoni tattribbwixxi minħabba l-fatt li ftit li xejn lgħabna partiti tal-futsal fl-aħħar snin.

 

L-Ingilterra jinsabu fit-30 post fir-Rankings tal-UEFA u fid-59 post fir-Rankings tal-FIFA. Il-Latvja fit-23 post fir-Ranking tal-UEFA u fit-52 post fir-Ranking tal-FIFA filwat li l-Andorra jinsabu fil-35 post fir-Ranking tal-UEFA u fl-74 post fir-Ranking tal-FIFA.

 

It-tim nazzjonali Malti jitħarreġ għall-aħħar darba llejla fis-7.00pm qabel l-ewwel partita ta’ għada kontra l-Ingilterra.

 

L-MFA tħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jattendi u jagħti l-appoġġ tiegħu lit-tim nazzjonali tagħna. 

Official Sponsors
Commercial Partners