Archives

Intervista: Matthew Mifsud, captain tat-Tim Nazzjonali tal-futsal

Published: 14-01-2015 13:10
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
image4 (101)
image5 (118)
Mark Attard, Media Officer, Tim Nazzjonali Malti tal-futsal Matthew Mifsud, plejer ta’ Valletta u gowlkiper u captain tat-tim nazzjonali Malti jitkellem miegħi fuq il-logħbiet tal-futsal f’Malta u fuq dak li jaħseb li hemm bżonn isir għall-futur biex dan l-isport ikompli jikber f’pajjiżna. Jgħidli wkoll fuq il-futur tiegħu u fuq dak li fl-opinjoni tiegħu jista’ jtellef lill-futsal f’Malta. Filwaqt li jammetti li l-futbol normali se jibqa’ l-isport numru wieħed fid-dinja kollha, Mifsud jispjegali għalfejn f’Malta hawn mentalita’ ħażina, li jekk tkun tilgħab il-futbol normali ma titħallix jew ikollok il-problemi biex tilgħab il-futsal. Jgħidli li s-sistema qiegħda ħażina mill-bidu nett, u dan għaliex kull plejer tal-ballun għandu jibda minn eta’ żgħira fil-futsal, biex minn hemm iridu jkunu l-kowċis li jmexxu lill-istess plejer jekk għandux jibqa’ fil-futsal jew jekk għandux imur fil-futbol. Hekk għamlu plejers kbar mondjali li llum qegħdin naraw minnhom l-aktar fit-tim nazzjonali Brażiljan u Spanjol. Madankollu, il-captain tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal konvint li bħala pajjiż, Malta se tasal ħafna aktar fil-futsal milli qatt waslet fil-futbol, anki jekk ilu snin twal jeżisti u jintlagħab f’pajjiżna. “Konvint li se bħala futsal se naslu aktar mill-futbol. Fil-futbol trid mill-inqas 8 plejers ta’ kwalita’ f’tim ta’ 18-il plejer mentri fil-futsal jilagħbu 5 u t-tim sħiħ ikollu 14-il plejer. L-ammont hu inqas u minħabba ċ-ċokon ta’ Malta diffiċli ħafna li jkollna ħafna plejers ta’ kwalita’ f’era’ waħda u f’tim wieħed. “Malta minn dejjem kellna plejers ta’ teknika tajba ħafna fil-futbol. Fil-passat aktar mil-lum. Il-problema tagħna hi li dejjem bagħtejna fiżikament. Biżżejjed tara t-tim nazzjonali tal-futbol u kif kultant jikkrolla lejn l-aħħar u meta l-ħinijiet li nsofru l-akbar ammont ta’ gowls. Fil-futsal tista’ tibdel kemm trid u x’ħin trid u din se taħdem favur timijiet bħal Malta. “Fil-futsal għadna nibdew u diġa’ rbaħna pajjiżi bħall-Isvizzera u l-Greċja li fil-futbol anqas biss noħolmuha li nirbħu pajjiżi bħal dawn. Naħseb li hi prova biżżejjed għal dan kollu li għadni kemm għidtlek,” jgħid Mifsud. Matthew Mifsud twieled fil-5 ta’ Frar 1978 u joqgħod Ħal Tarxien. Beda l-karriera tiegħu fil-futsal ma’ Naxxar Motors, imbagħad lagħab ma’ San Ġwann u llum jilgħab ma’ Valletta. B’kollox lagħab 30 partita bil-flokk tat-tim nazzjonali ta’ Malta. Wisq meta tikkunsidra l-ftit partiti li tilgħab Malta f’dan l-isport. Hu kellu sejħa f’dan it-tim minn Vic Hermans, kowċ li fl-opinjoni tiegħu beda l-aqwa tal-futsal f’pajjiżna. “Ilhi ma nkun f’kuntatt miegħu peress li issa huwa l-kowċ nazzjonali tat-Tajlandja u bihom jinsab fin-numru 15 tal-FIFA Rankings. Hermans kowċ kbir tal-futsal, minbarra li kien plejer kbir ukoll tal-futsal fit-tim nazzjonali tal-Olanda. Li llum wasalt s’hawn irrid ngħid grazzi lilu. Kien hu li għallimni kif jintlagħab il-vera futsal professjonali,” jgħid Mifsud fl-ewwel kelmtejn tiegħu. Ħafna huma dawk li m’humiex daqshekk intiżi fil-logħba tal-futsal. Għandhom impressjoni li l-futsal hi biss logħba futbol li iżda minflok tintltgħab f’’court’ minflof f’’pitch’ u jilagħbu ħames plejers flok 11. Iżda hemm diversi regolamenti li huma kompletament differenti mill-futbol. Ma jeżistux ‘throw-ins’ iżda ‘kick-ins’. Mas-sitt ‘foul’ li tagħmel irid jingħata ‘long penalty’ u l-partita tintlagħab b’20 minuta kull taqsima, li jridu jkunu ħin effettiv biss u dawn jieħu kważi siegħa u nofs sakemm tintemm partita. It-taħriġ hu ferm iebes, ħafna iktar milli jaħsbu xi wħud. “Issa ilna għaddejjin mit-3 ta’ Jannar bħala skwadra nazzjonali. Ingħaqadna minn kmieni apposta minħabba dan it-tournament ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA. Normalment konna nitħarrġu darbtejn fil-ġimgħa iżda minn dan ix-xahar bdejna niltaqgħu kuljum. Personalment ninsab fiduċjuż u preparati ħafna. “Hu vantaġġ kbir għalina kollha li dan il-Grupp E tar-Rawnd Preliminari se jsir f’pajjiżna. Nafu l-‘court’ sewwa peress li kollha nilagħbu fih kull ġimgħa u minbarra hekk se nkunu qegħdin nilagħbu quddiem il-pubbliku Malti. Qegħdin nisperaw li jkollna attendenza tajba. “Tournament hekk kien sar darb’oħra f’Malta fil-‘court’ tal-Kottonera. Iżda hemmhekk kien ta’ gambetta għalina flok ta’ għajnuna. Ma nistax nifhem kif intgħażel ‘court’ li ħadd minnha ma kien jaf jew lagħab fih,” jgħid il-captian tat-tim nazzjonali Malti. Mil-lejla, Malta tilgħab l-ewwel partita minn Grupp E tar-Rawnd Preliminari tal-UEFA tal-futsal kontra l-Ingilterra. Partita li tibda fis-7.30pm u se tintlagħab fil-Padilljun ta’ Kordin. Għada, Malta tilgħab kontra l-Andorra mnetri s-Sibt tilgħab l-aħħar partita kontra l-Latvja. Mifsud ikellimni fuq l-avversarji. “Meta tara l-ismijiet tal-pajjiżi avversarji tagħna mill-ewwel tifhem li aħna se nkunu l-‘underdogs’. L-Ingilterra fl-aħħar snin għamlu passi ta’ ġgant f’dan l-isport. Investew ħafna. Inħoss li t-tim Ingliż se jkun l-ikbar favorit li jirbaħ dan il-Grupp. Ġew b’aspettattivi li jikkwalifikaw bl-ewwel post. “Il-Latvja huma fiżikament b’saħħithom immens. Tipikament Russi. Jilagħbu l-ballun veloċi ħafna u kollha għandhom statura enormi. “U min jaħseb li l-Andorra batuti bħat-tim tal-futbol tagħhom sejjer żball. Il-plejers li għandhom fil-futsal kollha jilaħbu fil-kampjonat Spanjol. Madankollu, nemmen li magħhom nistgħu verament inġibu draw jew rebħa. Se nippruvaw żgur.” Jien nagħmillu mistoqsija diretta: Imma int konvint li Malta se nagħmlu l-punti minn dan il-Grupp? “Jekk ma jkollokx din il-mira nkunu qegħdin hawnhekk għalxejn kollha kemm aħna. Qatt mhu se ninżel fil-‘court’ u ngħid nieżel biex nitlef. Kull plejer fit-tim tagħna huwa validu u tajjeb. Għandna diversi plejers ġodda u forsi mingħajr esperjenza iżda dan il-fattur jista’ jaħdem favurina peress li jkunu jridu jħallu impressjoni tajba fuq kulħadd.” Wieħed mill-pedini importanti fl-iskwadra ta’ Mark Marlow hu bla dubju l-plejer ta’ Valletta, Xavier Saliba. Il-plejer kien f’nofs kontroversja proprju sax-xahar li għadda. Il-kowċ nazzjonali f’konferenza stampa kien ġie mistoqsi r-raġuni għalfejn kien ħalla barra mill-għażla tiegħu lil dan il-plejer għaż-żewġ partiti kontra s-Serbja u Ġibilta’ u rrisponda li l-plejer kellu problema ta’ piż żejjed u li kien lest isejjaħlu lura jekk jirranġa din is-sitwazzjoni. U hekk ġara. Nitkellmu fuq dan il-każ. “Xavier hu plejer kbir tal-futsal u ilu fit-tim nazzjonali għal diversi snin. Hu l-captain tiegħi ma’ Valletta u jien il-captain tiegħu fit-tim nazzjonali. Għandu teknika kbira. Kien avżat bil-problema li kellu u ħadem fuqa u rnexxilu. Ma jistax ikun li plejer bħal Saliba jitħalla barra. Ħadt pjaċir għalih li reġa’ jinsab fl-iskwadra.” Waqt il-konferenza stampa tal-bieraħ filgħodu, Mark Marlow, il-kowċ nazzjonali, qal li fil-futsal ftit li xejn hemm flus u l-plejers kollha li jinsabu fit-tim nazzjonali ta’ Malta qegħdin jagħmlu dan ‘senza interessi’ u għax verament iħobbu l-logħba u lil pajjiżhom. “Żgur li m’hemmx il-flus li hemm fil-futbol u jekk hemm il-flus qegħdin xi ftit fil-klabbs u mhux fin-nazzjonal. Il-futbol jibqa’ popolari aktar għax hemm il-flus u hemm sponsors kbar. Għandu l-media tgħinu l-ħin kollu. Differenti ħafna mill-futsal. “Forsi f’dan it-tournament hawn xi ftit aktar interess għax hu tournament uffiċjali tal-UEFA u għax daħlet dirett fih l-MFA bil-kuntatti tagħha. Ilbierah stajt nara d-differenza fil-konferenza stampa. Qatt ma segwewna nies daqshekk. Hemm bżonn li fil-futur nissaħħu f’dak li hu ‘coverage’ fil-media.” Imma l-futbol jista’ jkun ta’ xkiel għall-futsal? “Iva, ikun hemm xi ftit indħil mill-klabbs tal-futbol li jilagħbu magħhom il-plejers tal-futsal. Nifhem li l-klabbs tal-futbol jaraw l-interessi tagħhom l-aktar jekk ikun qegħdin iħallsuhom. Imma ma nistax nifhem li għax klabb ikun qed iħallas plejer jasal itellfu ċ-ċans li jilgħab mat-tim nazzjonali tal-futsal. “Fil-futsal jeżisti kampjonat mill-isbaħ. L-Ewwel Diviżjoni għandha disa’ klabbs. Hawn ħafna Brażiljani ta’ livell. Hawn Bulgaru tajjeb ħafna u anki xi plejers mill-Italja. Bħala Maltin qegħdin nitgħalmu ħafna mingħandhom u bis-saħħa tagħhom qed jogħla l-livell.” Ma’ Matthew Mifsud nitkellem fuq kif hu jara l-futsal f’appjjiżna u kif dan jista’ jgħin biex minnu joħorġu l-plejers tal-futbol. “Bla dubju, bħala futsal irridu nibdew nagħmlu investiment fiż-żgħar. Qabel ma l-futsal jidħol ukoll fil-klabbs kollha tal-futbol m’aħniex se nagħmlu titjieb fl-ebda wieħed mit-tnejn. Fil-futbol ma tmissx il-ballun b’saqajk daqs kemm tmissu fil-futbol u allura ma tista’ qatt issir teknikament bravu ħafna, sakemm ma tiwilidx. Bħall-pajjiżi l-kbar, nemmen li t-tfal tagħna għandhom jibdew mill-futsal imbagħad minn hemm isibu l-kowċis li jmexxuhom huma, jekk għandhomx jibqgħu fil-futsal jew jekk għandhomx potenzjal li jagħmluha fil-futbol. Plejers kbar fid-dinja li llum jilagħbu man-nazzjonal ta’ pajjiżhom bdew mill-futsal. Ma nafx għalxiex f’Malta ma nagħmlux l-istess.” Nistaqsih l-opinjoni tiegħu fuq Mark Marlow, il-kowċ nazzjonali Malti li ngħata din il-kariga mill-MFA ftit tal-ġimgħat ilu. “Kowċ tajjeb ħafna. Daħħal ideat u mentalita’ ġdida fit-tim li ma nibżgħu minn ħadd. Qed jaħdem ħafna fuq ix-‘sharp defence’ u l-‘counter attacks’. Fiċ-ċokon tagħna nafu li se jkollna niġġieldu mal-ġganti. It-tir tiegħu għall-futur se jkun li jaħdem l-aktar fuq il-plejers żgħażagħ.” Lejn l-aħħar tal-intervista nitkellem ma’ Matthew Mifsud fuq il-futur tiegħu fil-futsal u fit-tim nazzjonali Malti. “Meta nħossni li m’għandix aktar livell ta’ nazzjonal se nirtira waħdi. Se nagħlaq 37 sena dalwaqt u żgur li ħadd mhu etern. Diġa’ bdejt naħseb fuq dan kollu. Jekk saħħti tibqa’ tagħtini se nibqa’ nilgħab għal ftit żmien ieħor iżda l-livell tan-nazzjonal hu livell kompletament differenti għal dak tal-kampjonat. Minbarra n-nazzjonal qiegħed naħdem u nirsisti ħafna ma’ Valletta, il-klabb tiegħi. Fil-futur ma nafx x’se jiġri. Ħolma li għandi hi li wara karriera ta’ plejer fil-futsal, naqleb għall-kowċing meta nirtira minn plejer.” Ħolma li għalissa għada xi ftit ’il bogħod. Issa hu l-mument tal-verita’. Il-priorita’ għalih hu li f’dawn it-tliet partiti, Malta toħroġ bl-unuri. Fadal ftit sigħat. Issa hu l-mument tal-verita’. Forza Malta!