Archives

Futsal: Malta 0 vs Ingilterra 3

Published: 15-01-2015 10:40
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
image4 (101)
image5 (118)
image6 (142)
Mark Attard, Media Officer, Tim Nazzjonali Malti tal-futsal Malta ħarġet telliefa bl-iskor ta' 3-0 fl-ewwel partita tal-bieraħ kontra l-Ingilterra minn Grupp E tar-Rawnd Preliminari tal-UEFA Futsal li ntlagħbet fil-Padilljun ta' Kordin. It-tim nazzjonali Malti kellu partita tajba ħafna. Qasam il-logħob mal-avversarji u fl-ewwel taqsima kellu mill-inqas tliet ċansijiet kbar ta' gowls, li iżda naqas fl-ebda wieħed ma rajna l-ballun fix-xibka u smajna l-għajta tal-'gowl' tal-pubbliku Malti li attenda u ta l-appoġġ tiegħu lit-tim tagħna, immexxija mis-South End Core. Tattikament, il-plejers, kienu komposti fil-'court' b'mod dixxipplinat. Għalqu kull spazju li sabu tant li f'ħin minnhom lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima t-tim Ingliż deher ħafna nervuż li ma setax jiskurja aktar, konxju li l-Maltin kellhom fejn jagħmlu ta' mill-inqas l-iskor indaqs iktar minn darba u kienu l-aħjar tim għal diversi minuti.  Kienet ħasra kbira li sofrejna gowl wara 3 minuti logħob mill-uniku 'lose marking' li rajna fil-partita kollha min-naħa tad-difiża Maltija. Il-ballun intlagħab b'veloċita impressjonanti bejn Rexha, Cook u Mortlock u finalment spiċċa f'saqajn Parkes li minn tarf il-kaxxa dahar tajjeb u spara xutt fil-baxx li għeleb lil Matthew Mifsud. Wieħed ma jistax ma jirrimarkax il-wirja stupenda li kellu l-plejer Malti Jovica Milijic. Kien kolonna fid-difiża Maltija u l-moħħ li jagħmlu uniku f'dik l-esperjenza neċessarja f'dan it-tim ta' Marlow.  Matul l-ewwel taqsima l-Maltin kellhom żewġ ċansijiet oħra permezz ta' Mark Zammit u Matteo Desira Buttigieg li fl-ewwel tentattiv rajna l-gowlkiper Ingliż jilqa' b'siequ f'corner u fit-tieni rajna l-ballun imiss mal-lasta u jinbeżaq il-barra. It-tieni taqsima bdiet fuq l-istess rittmu u mal-ewwel battuti l-Maltin rebħu freekick li ngħata dirett minn Milijic fuq it-tieni lasta u Desira Buttigeig ma laqatx il-ballun b'lasti vojta.  Ir-regola tal-futsal u tal-futbol applikat kontra tagħna. Dan għax dak li kellu jkun il-gowl tad-draw għall-Maltin b'ħafna ċansijiet spiċċa sarraf fit-tieni gowl Ingliż. Kien pass fit-tul ta' Mortlock u Ballinger ħarab lid-difiża Maltija u mattar siequ qabel ma l-ballun mess mal-art biex inganna b'Mifsud u spiċċa warajh fix-xibka. Lejn l-aħħar tal-partita Desira Buttigieg kellu xutt ieħor jaħbat mal-lasti biex lejn l-aħħar, Marlow għamel dak li kien inevitabbli, b'żewġ gowls minn taħt u b'żewġ minuti li kien għad fadal x'jintlagħbu. Daħħal plejer ieħor u qala' lill-gowlkiper Mifsud u uża lil Miljicic bħala l-'flying goalkeeper'. F'pussess kontinwu tal-ballun, kellna ndeċiżjoni waħda u l-ballun spiċċa f'saqajn Rexha li minn kważi nofs il-'court' għamilhom 3-0 u għalaq il-konfront. Mark Marlow, kowċ tat-tim nazzjonali Malti, f'kummenti li ta wara l-partita qal li jidher evidenti li t-tim għamel passi kbar 'il quddiem iżda hemm bżonn li jintlagħbu iktar partiti ħalli tiddaħħal fil-plejers aktar kunfidenza.  "Kuntent bil-plejers u bil-wirja li għamlu. Ovvjament diżappuntat bir-riżultat. Stajna ġibna riżultat aħjar. Issa nħarsu għal-logħba ta' għada kontra l-Andorra," qal Marlow. Malta tilgħab it-tieni partita llum fis-7.30pm kontra l-Andorra, it-tim li lbieraħ ukoll tilef bl-iskor ta' 3-2 kontra l-Latvja. Illum fil-5.00pm, fil-Padiljun ta' Kordin, l-Ingilterra tilgħab kontra l-Latvja