Malta Football Association
NEWS:
Esklussiva: L-MFA tinnomina lill-Prinċep Ali tal-Ġordan għall-President tal-FIFA
Jan 30, 2015
Posted in:

Mark Attard, Media Officer, MFA

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, żvela li l-MFA innominat lill-Prinċep Ali Bin Al Hussein mill-Federazzjoni tal-Ġordan, fil-kontestazzjoni tiegħu għall-President tal-FIFA. Darmanin Demajo qal li lbieraħ għalqu n-nominazzjonijiet għall-Presidenza tal-FIFA. Hu qal li l-MFA irċiviet ħafna proposti biex tinnomina kandidati li beħsiebhom jikkontestaw għal din il-kariga iżda l-għażla finali waqgħet fuq dan iż-żagħżugħ li l-għan tiegħu se jkun li jgħin lill-Assoċjazzjonijiet iż-żgħar. 

 

Darmanin Demajo qal li kull kandidat għall-President tal-FIFA jrid ikollu ħames nonimazzjonijiet. L-elezzjoni se ssir fid-29 ta' Marzu u mal-Prinċep Ali se jikkontesta Ginola, Figo u l-President tal-FA Olandiża, flimkien mal-istess Sepp Blatter.


Il-ħames Kunsill tal-MFA fetaħ bi preżentazzjoni tal-ġurnalist Antoine Dalli li ddedika t-Teżi tal-Universita' tiegħu lill-futbol Malti. Dalli ppreżenta kopja ta' dan it-Teżi lil Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA fil-bidu tal-Laqgħa tal-Kunsill. Dalli ġie mfaħħar mill-kamra tal-inizzjattiva tiegħu u l-President irringrazzjah tal-ġest sabiħ tiegħu.

 

Il-President irringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fil-klinika l-ġdida li għamlet l-MFA fit-tieni sular tal-Millennium Stand. Hu qal li m'għandux dubju li dan l-investiment se jkun fost l-aqwa f'pajjiżna u stieden lill-membri tal-kamra biex jekk għadhom ma żarux il-klinika jmorru u jagħtu titwila.

 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal li fl-unuri tal-Isportivi tas-sena, l-MFA għandha żewġ nomini li huma l-uffiċjali Joe Cassar u l-kowċ nazzjonali Pietro Ghedin. 

Hu qal ukoll li s-Sirens Stadium laħaq il-kriterji kollha mixtieqa kemm ta' tindif u kemm ta' faċilitajiet u għaldaqstant il-partiti kollha tal-MFA skjedati għal dan l-istaġun se jsiru kif ippjanti.

 

Darmanin Demajo u Vassallo ferħu lil Dr Samuel Azzopardi, il-President il-ġdid tal-Gozo Football Association li ġie elett fil-jiem li għaddew. Il-kamra sellmet lil Joe Bajada, li kien kontestant għall-kariga ta' President. Darmanin Demajo qara ittra ta' riżenja li bagħat Joe Bajada lill-Kunsill tal-MFA fejn għarraf li kien qiegħed jirriżenja minn kull kariga li kellu fil-GFA, inkluż dik ta' Segretarju Ġenerali. Darmanin Demajo irringrazzja lil Bajada tax-xogħol kbir li għamel kemm dan jokkupa l-kariga fil-GFA fl-aħħar snin. 

 

Bjorn Vassallo qal li saru diversi ħatriet pubbliċi fil-kamp tal-futbol tan-nisa u tal-futsal. Mark Gatt inħatar kowċ nazzjonali u se jkun assistiet minn Frank Schembri. Pierre Brincat inħatar Direttur tal-futbol tan-nisa fuq xewqa tiegħu stess. Vassallo irringrazzja lil Brincat tax-xogħol li għamel fl-aħħar snin fil-futbol femminili f'pajjiżna.

Tibdil ieħor li sar hu tal-kowċ Anthony Garzia li nħatar apposta fuq l-iscouting fir-reġjuni flimkien ma' Edwin Camilleri. Post Garzia ħadu Ronald Azzopardi, l-eks assistant kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena. 

 

Bjorn Vassallo ikkonferma li l-MFA reġgħet kisbet il-postijiet kollha li kellha fil-qasam tar-referees internazzjonalment. Issa l-MFA se jkollha 16-il pożizzjoni bejn referees u assistenti. Hu qal li Adrian Azzopardi inħatar referee fuq il-FIFA Panel filwaqt li Clayton Pisani issa għandu l-grad li jista' jintgħażel biex ikun uffiċjal fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League u l-Europa League.

Official Sponsors
Commercial Partners