Malta Football Association
NEWS:
Malta fi Grupp 1 mar-Repubblika Ċeka u l-Belġju
Feb 4, 2015
Posted in:
Silvio Vella u Jesmond Abela fis-sala tat-tlugħ tal-poloz
Silvio Vella u Jesmond Abela fis-sala tat-tlugħ tal-poloz

  • Silvio Vella u Jesmond Abela fis-sala tat-tlugħ tal-poloz
  • Ritratt: Domenic Aquilina
  • Ritratt: Domenic Aquilina

Dalgħodu, f'Nyon l-Isvizzera, fil-Kwartieri tal-UEFA, ittellgħu l-poloz tal-Kampjonat Ewropej ta' taħt il-21 sena li se jsiru l-Polonja fl-2017.

 

Malta ittellgħet fi Grupp 1 mar-Repubblika Ċeka, il-Belġju, il-Montenegro, il-Moldova u l-Latvja. Ikkuntattjat minn dan is-sit, eżatt wara t-tlugħ tal-poloz f'Nyon, Silvio Vella, ta l-ewwel reazzjoni tiegħu:

 

"Grupp interessanti ħafna u iebes ġebel. Dik żgur. Għandna żewġ pajjiżi meqjusin 'kbar' għall-futbol ta' Taħt il-21 sena. Ir-Repubblika Ċeka u l-Belġju huma fost l-aqwa. Il-pajjiżi l-oħra huma eks-Jugoslavja jew l-Unjoni Sovjetika. Se nibdew naħdmu bis-sħiħ biex nagħmlu unur lil Malta," qal Vella.

 

Għal din il-Kwalifikazzjoni, il-UEFA ħolqot disa' Gruppi; sebgħa minnhom b'sitt pajjiżi u t-tnejn l-oħra b'ħames pajjiżi. 

 

L-iktar Grupp interessanti għal UEFA se jkun Grupp 2, fejn ittellgħu flimkien l-Italja u s-Serbja, iż-żewġ finalisti tas-sajf li għadda tal-Kampjonati Ewropej ta' Taħt il-21 sena li kienu saru fir-Repubblika Ċeka.

 

Preżenti fl-Isvizzera għal dawn il-poloz f'isem Malta u l-MFA minbarra l-kowċ nazzjonali hemm Jesmond Abela, Team Manager tal-iskwadra.

 

 Id-dati imposti mill-UEFA li jridu jsiru l-partiti tal-Gruppi kollha huma dawn:

23 u 31 ta’ Marzu 2015, 8 u 16 ta’ Ġunju 2015, 31 ta’ Awwissu 2015, 8 ta’ Settembru 2015, 5 u 13 ta’ Ottubru 2015, 9 u 17 ta’ Novembru 2015, 21 u 29 ta’ Marzu 2016, 29 ta’ Awwissu 2016, 6 ta’ Settembru 2016 u 3 u 11 Ottubru 2016.

 

Għal Vella se tkun l-ewwel esperjenza fil-gwida ta' dan it-tim nazzjonali. Hu kellu partita waħda uffiċjali li kienet id-debutt kontra t-Turkija f'telfa ta 3-0 fl-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali, wara li Ray Farrugia kien inħatar assistant kowċ tat-tim nazzjonali A. F'partita oħra ta' ħbiberija taħt il-gwida ta' Vella, Malta lagħbet kontra l-Azerbaijan u spiċċat fi draw ta' 0-0.

 

Fil-mument, l-eks plejer ta' Rabat Ajax FC u Hibernians FC, qiegħed jaħdem biex jgħaqqad skwadra ta' plejers żgħażagħ.

 

Fl-iskwadra jeżisti kuraġġ u tama ġdida li dan il-grupp ta' plejers jista' jwassal biex it-tim ikollu prestazzjonijiet tajbin u jiġbor kemm jista' jkun punti.


Official Sponsors
Commercial Partners