Malta Football Association
NEWS:
"Id-demokrazija trid tissaħħaħ bil-vot finali" - Darmanin Demajo
Mar 3, 2015
Posted in:

Mark Attard, Media Officer, MFA

 

Fil-preżenza tal-uffiċjali u d-delegati tal-klabbs mill-Kampjonat Premier u l-Ewwel Diviżjoni, l-MFA bdiet bl-ewwel seminar minn tnejn, fejn poġġiet għad-diskussjoni quddiem il-membri l-aħħar emendi fil-pakkett ta’ riformi dwar ir-relazzjoni bejn il-klabbs u l-plejers tagħhom li kienu ppreżentati ftit tax-xhur ilu.

 


Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, spjega l-proċess kollu biex l-Assoċjazzjoni waslet f’dan l-istadju u qal li dan hu pjan ta’ ħidma li ilu għaddej għal dawn l-aħħar snin. Ir-riformar beda bl-introduzzjoni tar-regolamenti fil-qasam finanzjarju u tal-liċenzjar permezz tal-Financial Fair Play & Licensing Regulations u issa f’regolamentazzjoni estiża u vasta li tolqot kull settur tal-logħba domestika permezz tal-Player Status Reform. Is-Segretarju Ġenerali faħħar il-parteċipazzjoni tal-membri u saħaq li għal ħafna snin dawn is-suġġetti kienu jissemmew iżda qatt diskussi jew imressqa quddiem il-membri għall-iskrutinju.

 

Wara, Dr Chris Bonett, Viċi President tal-MFA, beda l-preżentazzjoni tiegħu fejn ta time-line ta’ kif żvolġew id-diskussjonijiet fuq ir-riforma minn Frar tal-2014 sal-lum. Huwa kompla  billi qal li l-MFA kienet ippreżentat 32 proposta f’din ir-riforma u rċiviet lura 78 kontra-proposta u tmien proposti ġodda. B’kollox,35 kontro-proposta u proposti ġodda, li jammontaw mas-46% tal-proposti kollha, ġew aċċettati, filwaqt li 43 ġew imwarrba.

 

Total ta’ 15-il proposta mit-32 proposta oriġinali ma tmissux, filwaqt li 17 minnhom kienu emendati. Finalment kienu 11-il proposta minn total ta’ 15 li kien hemm qbil fuqhom mill-partijiet kollha, filwaqt li 4 oħra kellhom bżonn li jitressqu għad-diskussjoni.

 

Il-Viċi President, Dr Chris Bonett, spjega li r-riformi li qegħdin jiġu proposti f'din il-laqgħa jinkludu:

 

- L-istatus tal-plejer professjonali

- L-istatus tal-plejer u l-futbol fil-livell tad-dilettanti

- It-trasferimenti tal-plejers u t-Training Compensation

- il-proċess ġudizzjarju tal-Assoċjazzjoni

- Il-liċenzjar tal-klabbs u l-Financial Fair Play

 

Ġie spjegat ukoll kif din ir-riforma se tolqot lill-plejer professjonali b’dawn it-temi:

 

-          Id-difenizzjoni ta’ plejer professjonali

-          L-istat tal-plejer professjonali

-          Il-kuntratt professjonali ta’ plejer

-          Is-salarju tal-plejer

 

Id-diskussjoni żviluppat ukoll fir-rigward tal-plejers dilettanti b’punti konċizi:

 

-          Il-lista tar-retained players

-          Il-perjodu obbligatorju tas-servizz tal-plejers dilettanti

-          Il-kumpens tat-taħriġ tal-plejer

 

Dr Bonett spjega wkoll l-aktar punti importanti tat-trasferimenti tal-plejers u l-kumpens tat-taħriġ. Dawn huma:

 

-          Il-parametri

-          In-nursery compensation

-          Il-kumpens tat-taħriġ

-          Is-self tal-plejers

 

Fl-aħħar saret ukoll diskussjoni dwar kambjamenti fil-liċenzjar tal-klabbs fuq livell professjonali, semi-professjonali u dilettanti, kif ukoll il-kompożizzjoni tat-timijiet tal-kbar fid-diviżjonijiet rispettivi, inkluż in-numru ta’ barranin li jistgħu jiġu utilizzati mit-timijiet f’kull diviżjoni.

 

Ir-rappreżentanti tal-klabbs preżenti taw il-veduti tagħhom fuq dawn il-proposti u anki reġgħu ħarġu b’suġġerimenti ġodda dwar kif din ir-riforma tista’ tkun aħjar milli hi. Dawn il-proposti se jerġgħu jiġu diskussi mill-uffiċjali tal-MFA, bil-għan li jinstab kompromess fuq dawk il-partijiet fejn hemm nuqqas ta’ qbil. Dan biex f’April li ġej din ir-riforma tiġi approvata mill-organi kompetenti tal-MFA u l-istess riforma tidħol fis-seħħ mill-bidu tal-istaġun 2015/16.

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, għalaq il-laqgħa billi saħaq li d-demokrazija fl-MFA trid tissaħħaħ bil-vot finali u se tkun il-maġġoranza li tiddeċiedi t-triq il-quddiem. Hu rringrazzja lil kulħadd tad-diskussjoni matura u miftuħa li lkoll kellhom flimkien u saħaq fuq l-importanza li nirrispettaw l-opinjonijiet ta’ xulxin u biex kulħadd jifhem l-esiġenzi tal-futbol Malti.

 

It-tieni u l-aħħar laqgħa ssir illum mill-5.30pm ’il quddiem u din tkun miftuħa għall-klabbs tal-Kampjonati BOV tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni.

Official Sponsors
Commercial Partners