


It-tim nazzjonali Malti ta' taħt id-19-il sena mmexxi minn Wayne Attard kien ferm żvinturat u ħalla dik li potenzjalment setgħet kienet rebħa jew wirja li tagħtina l-punti tiddawwar f'telfa minima ta' 3-2 kontra l-Italja Lega Nazionale Dilettanti.
It-tim Malti kien qiegħed jilgħab it-tieni partita tiegħu mir-Roma Caput Mundi Tournament wara r-rebħa tal-bieraħ kontra l-Albanija bl-iskor ta' 1-0. L-aħħar partita mill-Grupp tintlagħab il-Ħamis 12 ta' Marzu fis-2.30pm kontra Wales fil-Montorli Stadium, f'Boville Emica.
L-iskwadra Maltija ma setax kellha bidu aħjar f'dan il-konfront meta sat-12-il minuta kienet diġa' żewġ gowls minn fuq skurjati minn Aiden Jake Friggieri. Iżda xi ftit diżattenzjoni fid-difiża sfaw f'żewġ gowls oħra skurjati mit-Taljani biex l-ewwel taqsima ntemmet bi skor ta' 2-2.
It-tim ta' Attard reġa' ħareġ tajjeb u beda jaqsam il-logħob mal-avversarji sakemm Juan Corbolan ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-mimduda biex intilef ċans tad-deheb għal Malta li nerġgħu mmorru fil-vantaġġ. U dak li m'għamilnix aħna, għamluh huma!
It-Taljani marru fil-vantaġġ u skurjaw it-tielet gowl ftit wara, gowl li kellu jkun dak li jagħtihom ir-rebħa. Dan għaliex l-isforzi tal-iskwadra sfaw inutli.
Lejn l-aħħar tal-konfront il-Maltin ħadu kompletament il-kontroll tal-partita f'idejhom u resqu viċin f'żewġ tentattivi permezz ta' Myles Beerman u Joseph Mbong, iżda l-isfortuna reġgħet kienet fuq in-naħa tagħna.
It-tim nazzjonali Malti lagħab b'din il-formazzjoni:
Jamie Azzopardi, Myles Beerman, Nick Ghio, Matthew Gullaimier, Jean Borg, Aiden Jake Friggieri, Jake Grech (Neil Tabone), David Xuereb, Joseph Mbong, Connor Zammit, Juan Corbolan.
