Malta Football Association
NEWS:
Tim nazzjonali tan-nisa: Malta 2 vs Azerbaijan 1
Mar 12, 2015
Posted in:

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa, immexxi mill-kowċ Mark Gatt, rebaħ l-ewwel partita tiegħu mill-Aphrodite Cup li qiegħda ssir f'Ċipru kontra l-Azerbaijan bi skor ta' 2-1.

 

Kienet wirja brillanti min-naħa tat-tfajliet ta' Mark Gatt li mal-ewwel żewġ minuti raw l-ewwel ċans tad-deheb jaħrabilhom meta x-xutt ta' Carabott spiċċa milqugħ tajjeb ħafna mill-gowlkiper avversarju. Iżda dan kien biss preludju tal-gowl tal-vantaġġ għaliex fl-azzjoni li segwiet, Dorienne Theuma skurjat direttament minn corner. 

 

Il-Maltin iddettaw il-logħba huma u skurjaw it-tieni gowl fit-33 minuti minn sforz ta' Carabott li tefgħet pressjoni enormi fuq id-difiża avversarja, sakemm irnexxielha tirbaħ il-ballun u tikkonkludi fix-xibka għal 2-0.

 

Fit-tieni taqsima, l-Azerbaijan bdew xi ftit aħjar. Riedu akkost ta' kollox jiskurjaw gowl biex jidħlu fil-partita u ġiehom iċ-ċans biex jagħmlu dan fil-bidu meta Charlene Zammit imbuttat plejer avversarju fil-kaxxa u r-referee ordna penalty. Mill-11-il metru, Janice Xuereb wettqet save stupend u żammet l-iskor 2-0.

 

Madankollu, l-avversarji skurjaw il-gowl tat-2-1 minn penalty ieħor. Din id-darba, Jasmeen Vella dehret tmiss il-ballun b'idejha fil-kaxxa u mill-11-il metru, l-Azerbaijan ma żbaljawx.

 

Huma għafsu ħafna lejn l-aħħar għall-gowl tad-draw iżda d-difiża tagħna kienet attenta l-ħin kollu. L-Azerbaijan spiċċaw il-partita b'10 plejers wara t-tkeċċitilhom plejer għat-tieni karta safra.

 

Il-gowls tal-Maltin kienu skurjati minn Ylenia Carabott u Dorienne Theuma.

 

It-tim nazzjonali Malti lagħab b'din il-formazzjoni:

 

Janice Xuereb, Gabriella Zahra, Yasmeen Vella (Rosalie Cauchi), Stephania Farrugia, Dorienne Theuma, Ylenia Carabott (Kelly Agius Pace) (Martina Borg), Rachel Cuschieri, Shona Zammit (Mandy Debono), Jade Flask, Charlene Zammit, Brenda Borg (Emma Xuereb)


Official Sponsors
Commercial Partners