Malta Football Association
NEWS:
Stqarrija tal-MFA dwar kummenti tal-MFPA
Mar 14, 2015
Posted in:

 

B’referenza għall-post li deher illum fuq il-paġna ufficjali tal-facebook tal-Malta Football Players Association (MFPA), il-Malta Football Association (MFA) tixtieq tirrispondi għall-allegazzjonijiet li saru mill-istess MFPA għar-rigward tal-‘komportament’ tal-uffiċjali u l-impjegati tal-MFA fil-każta’ bejn Emanuel Sevasta u St. George’s FC.


 

Il-kaz tal-‘LS Form’ imsemmija mill-MFPA bit-timbru tad-9 ta’ Frar 2015, ġie diskuss waqt laqgħa li saret bejn il-kumitat tal-MFPA u s-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Bjorn Vassallo, u l-Viċi President tal-MFA, Dr. Chris Bonett,it-Tnejn li għadda. Meta l-MFPA ġibdet l-attenzjoni tal-uffiċjali tal-MFA fuq din l-‘LS Form’ b’din id-data, l-uffiċjali tal-MFA wiegħdu lil dawk tal-MFPA li se jinvestigaw l-allegazzjoni, u jekk kemm-ildarba dak li qed tgħid l-MFPA ikun minnu, l-MFA tieħu l-passi meħtieġa.

 

L-MFA għamlet din l-investigazzjoni u rriżulta li d-dokument li l-MFPA qed tuża hudokument li kien ġie anness mar-rikors tal-appell ta’ St. George’s FC f’dan il-każ. Ir-rikors tal-appell ġie ppreżentat l-MFA fid-9 ta’ Frar 2015, u kif inhi l-prassi tal-MFA, kull dokument li ġie ppreżentat mar-rikors tal-appell, inkluża l-kopja tal-‘LS Form’ imsemmija, ġiet ittimbrata bid-data tad-9 ta’ Frar 2015. Dan jidher fid-dokument anness u mmarkat ‘Dokument A’.

 

Minn hemmhekk is-Segretarju tal-Bord tal-Appell, għamel il-kopji tar-rikors tal-appell u d-dokumenti annessi u bagħthom lill-partijiet, kif isir dejjem. Għalhekk,il-kopja li ġiet mgħoddija lill-MFPA mill-plejer m’hijiex l-‘LS Form’ oriġinali li kienet ġiet ippreżentata l-MFA bħala dokument tal-liċenzji, iżda l-kopja li kellhom St. George’s FC u li ġiet ippreżentata mar-rikors tal-appell.

 

L-MFA tikkonferma li d-dokument oriġinali ‘LS Form’ iffirmat mill-uffiċjali ta’ St. George’s FC u l-plejer Emanuel Sevasta ġie ippreżentat fl-uffiċju tal-liċenzji tal-MFA fit-30 ta’ Mejju 2013 u dan kif jidher mill-kopja tal-formola oriġinali hawn annessa u mmarkata ‘Dokument B’.

 

Dan ifisser li f’dan il-każpartikolari,l-allegazzjonijiet li saru mill-MFPA fil-paġna tal-facebook tagħha huma totalment infondati u b’dispjaċir l-MFA tinnota li l-MFPA, minflok stenniet lill-uffiċjali tal-MFA jikkomunikaw mal-uffiċjali tagħha fuq l-eżitu tal-investigazzjoni, ippubblikat fuq il-paġna tal-facebook uffiċjali tagħha allegazzjonijiet ibbażati fuq assunzjonijiet dwar x’ġara f’dan il-każ. Iktar gravi minn hekk, b’allegazzjonijiet inġurjużi u malafamanti,kemm fil-konfront tal-uffiċjali u l-impjegati tal-MFA u l-persuni li jservu fil-bordijiet tagħha.

 

Id-diskors jagħti l-impressjoni li l-persuni fi ħdan l-MFA huma diżonesti u dan l-MFA ma tistax taċċettah jekk tali allegazzjonijiet ma jkunux ikkorroborati b’fatti konkreti. Il-fatti huma li d-dokumenti ppreżentati fil-każta’ bejn il-plejer Emanuel Sevasta u St. George’s FC huma awtentiċi u l-każ ġie deċiżb’mod korrett. Għaldaqstant,l-MFA tħoss li wara din l-ispjegazzjoni,l-MFPA issa għandha għażla waħda quddiemha u cioe dik li tirtira pubblikament l-allegazzjonijiet magħmula llum u tirrikonoxxi li għamlet żball. B’hekk din l-istorja tieqaf hawn.

 

Madankollu,jekk l-MFPA ma tagħmilx dan il-pass lura, l-MFA ma jkollhiex għażla ħlief li tieħu l-passi kollha opportuni skont il-Liġi biex id-drittijiet tal-persuni li ġew inġurjati u li kellhom l-unur tagħhom imtappan b’mod inġust b’din il-facebook post, jiġu salvagwardjati, anki permezz tal-ftuħta’ kawżi ta’ libell.

Official Sponsors
Commercial Partners