Malta Football Association
NEWS:
Futbol tan-nisa: Malta 2 vs Latvja 0
Mar 18, 2015
Posted in:

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa kellu wirja oħra kbira meta għeleb lil Latvja bl-iskor ta' 2-0, biex temm l-impenji tiegħu fl-Aphrodite Cup fit-tielet post minn tmien pajjiżi.


Fl-ewwel taqsima, it-tim nazzjonali ddomina lill-avversarji f'ħafna ħinijiet u kellu diversi ċansijiet ta' skor li fihom ma rnexxielux isib ix-xibka. L-iktar żewġ ċansijiet kbar waslu f'saqajn Rachel Cushieri u Dorienne Theuma li minn qagħda tajba t-tnejn li huma kkonkludew xi ftit għoli.

 

Fl-ewwel azzjoni serja fit-tieni taqsima, l-Maltin fetħu l-iskor. Theuma rċiviet ballun minn barra l-kaxxa u fajjret ġmiel ta' xutt li għeleb għal kollox lill-gowlkiper avversarja. Gowl tal-istampi!!!

 

Minuta wara, Cuschieri qabżet difensur avversarju bi klassi kbira iżda falliet il-mira bi ftit u l-istess reġgħet għamlet lejn nofs it-tieni taqsima iżda x-xutt finali tagħha stampa mal-mimduda.

 

Fit-72 minuta, l-Maltin irduppjaw u għalqu l-partita. Minn corner ta' Theuma f'nofs il-kaxxa, Stephania Farrugia għoliet fuq kulħadd u b'daqqa ta' ras tefgħet il-ballun fix-xibka.

 

Is-suffara finali ġabet ferħ u tgħanniq bejn il-plejers u l-kontinġent kollu. Ma naqsux il-kumplimenti tal-avversarji lejn it-tim nazzjonali tagħna li kellu wirjiet tajbin ħafna.

 

Wieħed jawgura li jibqa' jinżamm dan il-livell fil-partita ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej li għandhom jintlagħbu f'pajjiżna fil-ġimgħat li ġejjin.

 

It-tim nazzjonali Malti lagħab b'din il-formazzjoni:

 

Rachelle Borg, Gabriella Zahra, Yasmeen Vella (Rosalie Cauchi), Stephania Farrugia, Dorienne Theuma, Ylenia Carabott, Rachel Cuschieri, Shona Zammit, Jade Flask (Mandy Debono), Charlene Zammit, Brenda Borg (Emma Xuereb)

Official Sponsors
Commercial Partners