Malta Football Association
NEWS:
Il-Prinċep Ali jsemmi lil Darmanin Demajo fid-diskors tiegħu
Mar 30, 2015
Posted in:

 

Il-Prinċep Ali tal-Ġordan, fid-diskors tiegħu fil-Kungress tal-UEFA ta’ ftit jiem ilu, issorprenda lil dawk ir-rappreżentanti kollha mill-Assoċjazzjonijiet Ewropej li kienu preżenti, b’fuq quddiemnett lid-delegazzjoni Maltija li kienu bilqiegħda ftit metri ’il bogħod minnu meta f’ħin minnhom semma’ b’ismu lil Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA.


 

Il-Prinċep Ali tal-Ġordan se jkun wieħed mill-kontestanti għall-presidenza tal-FIFA li se ssir ftit tal-jiem oħra u d-delegazzjoni Maltija preżenti kienet komposta minn Darmanin Demajo bħala l-President, Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali u Dr Chris Bonett, Viċi President tal-MFA.

 

Lejn nofs id-diskors tiegħu, il-Prinċep qal li jemmen li l-futbol għandu juża l-poteri tiegħu fil-pitch għar-responsabbilta’ soċjali u biex jgħin f’soċjeta’ aktar miftuħa. Hu żied li dan kollu hu xi ħaġa li se jkun qiegħed jagħmel minn qalbu jekk kemm-il darba jingħata l-fiduċja mill-Assoċjazzjonijiet mondjali biex imexxi l-futbol fid-dinja.

 

“Ninsab grat ħafna lejn kollega u ħabib li kien fil-Ġordan daqs sena ilu u kellimni fuq il-bżonn li l-FIFA taħdem fuq dan kollu. Dan il-kollega u ħabib hu l-President tal-Malta Football Association. Grazzi Norman. Jekk ningħata ċ-ċans se nkun qiegħed nagħmel il-ħolma tiegħek u tiegħi realta',” temm il-Prinċep tal-Ġordan.

 

Malta hi waħda mill-pajjiżi li proponiet il-kandidatura tal-Prinċep għal din l-elezzjoni tal-FIFA.

Official Sponsors
Commercial Partners