Malta Football Association
NEWS:
Kunsill tal-MFA...is-sitt laqgħa tal-istaġun
Apr 1, 2015
Posted in:

Mark Attard, jirraporta

 

Is-sitt laqgħa tal-Kunsill tal-MFA għall-istaġun 2014/15 bdiet bi preżentazzjoni minn Carmel Baldacchino u David Bezzina ta' chart tal-MFA li turi l-Presidenti, is-Segretarji Ġenerali u t-Teżorieri li kellha l-Assoċjazzjoni fil-passat. Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, faħħar ix-xogħol ta' Baldacchino u Bezzina filwaqt li l-kamra laqgħat b'entużjażmu dan il-ktieb.


 

Bjorn Vassallo qal li l-MFA irċiviet notifika mingħand l-SGS fejn fiha l-Assoċjazzjoni ħadet ċertifikat li tinsab regolata kif suppost fejn tidħol il-liċenzjar tal-klabbs tagħha.

 

Hu qal li l-MFA irċiviet mingħand il-FIFA in-notifika li Birkirkara FC jridu jħallsu kumpens ta' 105,000euro lil Dinamo Kiev talli l-plejer Frank Temile kienu inkludewh fil-lista tagħhom għall-partita mill-kompetizzjoni Ewropea.  

Il-FIFA nfurmat ukoll lill-MFA li t-Tazza tad-Dinja fil-Qatar tas-sena 2022 se ssir bejn ix-xhur ta' Novembru u Diċembru. 

 

Darmanin Demajo qal skont l-aħħar deċiżjoni li ttieħdet mill-UEFA u minn Michel Platini, il-klabbs kollha Ewropej li jirbħu l-kampjonati f'pajjiżhom se jieħdu mill-inqas 550,000euro; 300,000euro talli rbaħt il-kampjonat u 250,000euro talli se tikkompeti fl-ewwel rawnd fiċ-Champions League. Dan japplika wkoll għaċ-champions ta' Malta.

 

Min jipparteċipa fl-Europa League se jibda jieħu 200,00euro. Din hi żieda ta' 80,000euro fuq il-120,000 li kienu jieħdu sal-istaġun li għadda.

 

Bjorn Vassallo qal li għall-MFA Awards 2015, se jingħataw 17-il unur bħalma ġara fl-aħħar żewġ staġuni. L-awards se jsiru f'data li għad trid tiġi deċiża mill-Kumitat Organizzattiv.

 

Vassallo qal li saret laqgħa tas-Social Dialogue li fiha ntbagħat rapport u l-minuti lill-istading committees u r-rappreżentanti kollha preżenti. Vassallo appella li kull min kien preżenti biex iwassal dak kollu li ntqal lir-rappreżentanti tiegħu.

 

Hu qal li f'Marzu saru żewġ seminars u laqgħa mal-MFPA rigward il-Player Status Reforms li issa għad jonqos li ssir diskussjoni fil-Beraue tal-MFA fuq il-punti li se jintbagħtu mid-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-istanding committees rispettivi.

 

Darmanin Demajo spjega ittra li kitbu l-MFPA u li dehret fil-media fejn fiha kellha insinwazzjonijiet foloz fosthom li "uffiċjali u impjegati tal-MFA qegħdin f'konfoffa kontra l-plejers". Il-President tal-MFA qal li dan id-diskors kien esaġerat wisq u żgur li mhux f'postu. Darmanin Demajo qal li l-MFPA għaġlu u ħadu żball fl-istqarrija tagħhom u li l-MFA bagħtet lura stqarrija oħra fejn qalet li l-MFPA għandha tirtira dawk l-allegazzjonijiet foloz u li mhux veritiera.

 

Darmanin Demajo qal li l-MFPA irrispondew lura iżda qal li personalment mhux sodisfatt bil-mod kif irrispondew lura u dan għaliex min-naħa tal-MFA kollox kien sar sew. Hu qal li min-naħa personali tiegħu personali se jwaqqaf il-kuntatt mal-MFPA peress li għadhom ma skużawx ruħhom mal-uffiċjali fuq dak li kienu insinwaw.

Official Sponsors
Commercial Partners