Malta Football Association
NEWS:
“Se nilagħbu biex nirbħu iżda saqajna mal-art” – Mark Gatt
Apr 2, 2015
Posted in:
Ritratti: Domenic Aquilina
Ritratti: Domenic Aquilina

  • Ritratti: Domenic Aquilina

 

“Il-prestazzjonijiet li kellna fl-Aphrodite Cup f’Ċipru jimlewna bil-kuraġġ. Se jiswew ħafna għal dawn it-tliet partiti li ġejjin. Se nilagħbu biex nirbħu iżda rridu nżommu saqajna mal-art. Kull plejer kellha l-avvanzi tagħha fl-aħħar xhur u snin u rajt kollettivament tim b’saħħtu li bih kapaċi jkollna suċċess.”

 

Dawn kienu l-ewwel kliem li qal Mark Gatt, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa f’konferenza stampa li saret ilbieraħ filgħaxija fis-sala tal-konferenzi tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Għall-konferenza tkellmu wkoll Pierre Brincat, Direttur tal-futbol femminili fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA u Gabriella Zahra, plejer nazzjonali.


 

“Fl-aħħar jiem ħdimna ħafna fuq il-fiżika ta’ kull plejer u fuq il-pożizzjoni ta’ kull plejer waqt il-partiti. Nemmen li l-istadju tat-timijiet tal-faxxa t’isfel qbiżnih u issa ninsabu fl-istadju li bil-mod inkomplu nżidu l-livell tagħna biex nitilgħu tarġa oħra. Kollox bil-mod imma se naslu.”

 

Gatt jara ċansijiet tajbin ħafna għal Malta li jikkwalifikaw minn dan il-Grupp biex eventwalment, it-tim nazzjonali jilgħab fl-istadju li jmiss tal-kompetizzjoni.

 

It-tim nazzjonali Malti jibda l-impenji tiegħu bl-ewwel partita s-Sibt 4 ta’ April kontra l-Andorra, partita li tibda fis-2.15pm. Malta tilgħab it-tieni partita it-Tnejn 6 ta’ April kontra l-Ġorġja fis-2.15pm u t-tielet partita kontra l-Gżejjer Faroe l-Ħamis 9 ta’ April. Il-partiti kollha tat-tim nazzjonali Malti jintlagħbu fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun.

 

Pierre Brincat, ta ukoll ir-reazzjoni tiegħu għal dan il-Mini Tournament tal-UEFA f’pajjiżna li bħalu se jsiru ħafna fl-Ewropa u li jridu jwasslu għat-timijiet finali li se jikkompetu fil-Kampjonati Ewropej tan-nisa fl-2017.

 

“Nirringrazzja lill-media kollha tal-interess li qed turu fina. Iddedikajtu l-ħin għalina wkoll u din hi xi ħaġa pożittiva għalina lkoll u li tagħti kuraġġ doppju lill-plejers. Xtaqt nirringrazzja wkoll lill-MFA li ħadet id-deċiżjoni li tibgħatna għall-Aphrodite Cup f’Ċipru. Kienet esperjenza unika li fiha morna tajjeb ħafna u dawk il-partiti se jservuna immens għall-partiti li ġejjin. Nirringrazzja wkoll lill-klabbs talli fehmu li t-tim nazzjonali Malti hu priorita’.”

 

Mistoqsi fuq il-pożizzjoni tiegħu fl-MFA, Brincat wieġeb:

 

“Nixtieq niċċara l-fatt li jien waqaft minn kowċ tat-tim nazzjonali mhux għax iddejjaqt iżda ridt nagħti opportunita’ lil nies ġodda filwaqt li nibqa’ nsegwi u nissorvelja. M’hemmx dubju li Mark Gatt kien l-aktar kandidat b’saħħtu li seta’ jieħu din il-kariga u hekk ġara.”

 

Fl-aħħar tal-konferenza tkellmet ukoll Gabriella Zahra, plejer nazzjonali ta’ Malta li min-naħa tagħha faħħret ix-xogħol li għamel Brincat fil-passat u dak li qiegħed jagħmel Gatt fil-preżent.

 

“Meta morna Ċipru ma konnix nafu x’se nsibu eżatt. Iżda logħba wara oħra indunajna x’potenzjal għandna u dan kollu ġie fuqna grazzi għax-xogħol li wettaqna taħt il-kowċis tal-MFA. Inħoss li partita wara oħra qegħdin dejjem nitjiebu. Mhux se ninsew il-prestazzjonijiet li kellna f’Ċipru iżda fl-istess ħin mhux se tikbrilna rasna. Se nżommu saqajna mal-art u naħdmu aktar milli għamilna s’issa,” qalet Zahra.

 

L-MFA tħeġġeġ lill-pubbliku sportiv Malti jattendi u jagħti l-appoġġ lit-tim nazzjonali Malti f’dawn it-tliet partiti ta’ kwalifikazzjoni li għandu. Id-dħul fl-istadiums se jkun mingħajr ħlas.

 

Segwi INTERVISTA ma' Mark Gatt - Kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa

Official Sponsors
Commercial Partners