Malta Football Association
NEWS:
Futbol tan-nisa: Andorra 3 vs Malta 5
Apr 4, 2015
Posted in:
General
National Team
UEFA Women's EURO 2021 Qualifiers
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard

 

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa, immexxi minn Mark Gatt, kellu bidu tajjeb fl-ewwel partita minn Grupp 2 tal-UEFA Women's Mini Tournament ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2017 meta fl-ewwel ħarġa tiegħu għeleb lil Andorra bl-iskor ta' 5-3.


 

Anki jekk it-tim Malti inħasad meta sofra gowl kmieni wara 2 minuti, id-differenza bejn iż-żewġ naħat dehret evidenti ħafna. Il-plejers tagħna ħarġu kunfidenti u l-gowl tad-draw segwiet minn ħafna gowls oħra kienu biss, "kwistjoni ta' ħin."

 

Wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-wirja kbira li reġa' kellhom Rachelle Cuschieri u Dorienne Theuma. Fl-ewwel waħda jidher sew il-progress li għamlet minn kemm ilha tilgħab f'Ċipru taħt skema professjonali. Il-mod kif bdiet taqbeż lill-plejers avversarji b'finta wara oħra ma jħallilek l-ebda dubju li din hi il-"Golden Girl" tal-iskwadra.

 

L-istess jista' jingħad għall-Theuma, il-captain tat-tim nazzjonali. Surmast f'nofs il-grawnd li kull attakk ħareġ minn saqajha b'dawk il-passes milgħubin tajbin 'il quddiem li mbarazzaw mhux ftit id-difiża avversarja.

 

Dawn it-tnejn ħadmu tajjeb ħafna mal-kumplament tal-iskwadra, b'mod partikolari f'nofs il-grawnd u fuq quddiem. Id-difiża fl-ewwel taqsima kienet ukoll attenta għal kollox u taqta' distrazzjoni fl-ewwel ftit sekondi meta qlajna l-gowl, dejjem  kienu attenti għal kollox. Wieħed jista' jgħid li l-gowls li sofrejna kienu "Regali tal-Għid" li tajna fit-tieni taqsima, meta r-rebħa u t-tliet punti kienu xi ħaġa ċerta. Forsi l-plejers tagħna kienu tant qalbhom tajba li ma riedux jagħfsu aktar u jiskurjaw aktar, b'konsegwenza li sofrew żewġ gowls oħra.

 

Għall-kronaka, il-Maltin inħasdu meta fit-tieni minuta  Lopez Vila Alba Purificacion fetħet l-iskor għall-Andorra. Iżda fir-raba minuta Rachel Cuschieri għamlet l-iskor 1-1.

 

Sa tmiem l-ewwel taqsima l-Maltin skurjaw tliet darbiet oħra b'gowl ieħor ta' Cuschieri, u minn wieħed ta' Theuma u Ylenia Carabott. L-ewwel taqsima għalqet 4-1 favur tagħna.

 

Fl-ewwel battuti tat-tieni taqsima, Theuma żiedet ieħor għal skor ta' 5-1.

 

Hawnhekk kien fejn ħafna mill-plejers tagħna rrilassaw xi ftit, konxji li l-partita tat-tnejn tista' tkun il-qofol tal-kwalifikazzjoni.

 

L-Andorra skurjaw gowl ieħor minn  Goncalves Correia Bibiana biex it-tielet gowl tagħhom wasal fil-ħin miżjud minn freekick dirett ta'  Fernandez Muelas Marina.

 

Is-suffara finali ġabet ferħ u tgħanniq fost il-plejers Maltin li bdew dan il-Grupp 2 b'rebħa li kienet aktar milli mistħoqqa.

 

Il-konċentrazzjoni ddur fuq it-Tnejn li ġej fil-partita kontra l-Ġorġja li rebħu l-ewwel partita tagħhom ukoll iktar kmieni kontra l-Gżejjer Faroe bl-iskor ta' 2-0.

 

Il-formazzjoni tat-tim nazzjonali Malti kienet din:

 

Xuereb Janice; Zahra Gabriella; Vella Yasmeen Marie; Farrugia Stefania; Theuma Dorianne; Carabott Ylenia Anne; Cuschieri Rachel; Zammit Shona; Flask Jade; Zammit Charlene; Borg Brenda.

 

Kowċ: Mark Gatt.

Official Sponsors
Commercial Partners