Malta Football Association
NEWS:
Futbol tan-nisa: Ġorġja 1 vs Malta 2
Apr 6, 2015
Posted in:
General
National Team
UEFA Women's EURO 2021 Qualifiers
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

Mark Attard

 

Gowl fid-90 minuta skurjat minn Dorianne Theuma, ta t-tieni rebħa għal Malta fit-tieni ħarġa tal-UEFA Women's EURO Qualifier, minn Grupp 2 tal-Mini Tournament ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2017 li se jsiru fl-Olanda.

 

Kienet wirja kbira min-naħa tal-plejers Maltin li b'mod kollettiv iddominaw għal ħinijiet twal kontra avversarji b'saħħithom u tekniċi. Qabel il-partita rrenjat il-fiduċja, iżda żgur mhux iċ-ċertezza tar-rebħa. Fuq wiċċ il-plejers tagħna setgħet tidher dik il-ftit tensjoni żejda li għarfu jikkontrollawha u rnexxielhom jissuperawha aktar ma għadda l-ħin.


 

Ma kinitx partita faċli, tant li l-ewwel battuti tagħha taw x'wieħed jifhem li l-Ġorġjani kien tim li se jirbaħ ħafna mill-pussess tal-ballun. Iżda l-kunfidenza tal-Maltin ippremjathom b'suċċess ieħor li tellagħhom fl-ewwel post b'żewġ rebħiet u sitt punti.

 

Minn issa sal-Ħamis fil-11.00am, il-kontinġent kollu jrid iżomm moħħu ffukkat. Draw se jkun biżżejjed fl-aħħar ħarġa kontra l-Gżejjer Faroe u la ġiet ir-rebħa kontra l-Ġorġja, żgur li mhux se tkun missjoni impossibbli li l-aħħar partita ma tintilifx. 

 

Għall-aħħar 90 minuta tal-Ħamis, hemm bżonn ma nirriskjaw xejn. 'Safety first' u konċentrazzjoni massima biex nillimtaw l-indeċiżjonijiet u l-iżbalji normali li jiġu minn ħin għall-ieħor f'kull partita futbol li teżisti. Aktar minn ċert li b'persuni bħal Malrk Gatt, Frank Schembri u Pierre Brincat fit-tmexxija tat-tim, u bl-esperjenza li għandhom fil-qasam tal-futbol femminili, il-festa bl-isem "kwalifikazzjoni", m'hijiex 'il bogħod.

 

Diffiċli li wieħed isemmi minn kienet l-aqwa plejer fil-ġurnata. Iżda Dorianne Theuma reġgħet tat prova li hi fost l-aqwa plejers li għandha Malta fil-futbol femminili...u ħafna aktar minn hekk!

 

Wirja kbira wkoll reġa' kellha Ylenia Carabott li minbarra li skurjat il-gowl tal-vantaġġ, kellha sehem importanti fit-tieni wieħed meta wara xutt ta' Theuma, il-gowlkiper avversarju ppanċjat 'il barra b'mod dgħajef u l-Maltija kienet pronta taret minn tula biex tagħmel ċert li timblokka lill-gowlkiper milli taqla' l-ballun il-barra, biex spiċċa qabeż il-linja l-bajda ħelu ħelu fl-aħħar ftit sekondi.

 

Id-difiża reġgħet kienet brillanti! Stefania Farrugia wriet kemm taf tiddefendi u tagħlaq kull spazju biex kważi x-xuttijiet kollha lejn il-lasti tagħna ġew blukkati minnha. Gabriella Zahra ġriet kemm felħet mal-linja xellugija. Tellgħet il-ballun u aktar ma għadda l-ħin aktar bdiet titfa' crosses lejn il-kaxxa avversarja li żgur li ma kien fihom ħobż ta' xejn għad-difensuri avversarji. Xi ħin jew ieħor, id-difiża avversarja dehret li se ċċedi! U hekk għamlet.

 

Għall-kronaka, l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta' mingħajr gowls, iżda fl-ewwel azzjoni serja fit-tieni taqsima, l-Maltin fetħu l-iskor. Minn corner ta' Theuma, il-ballun deher jiġi maqlugħ xi ftit il-barra wara ħarġa difettuża tal-gowlkiper avversarju u Carabott uriet il-kwalita' tagħha ta' skorer prolifiku biex kompliet fix-xibka.

 

Il-Ġorġja ġabu d-draw bl-aktar b'mod stramb minn penalty ferm dubjuż. Ħadd ma seta' jinnota x'kien ġara eżatt, jekk sarx foul, u jekk sar..kienx fil-kaxxa. Din id-darba, r-rigal lit-tim avversarju tagħna ma tajnihulhomx aħna stess, iżda r-referee Torka li safret ix-xutt mill-11-il metru mingħajr ma ħasbet darbtejn. Chichinadze ma żbaljajtx! Ir-rabja fost il-plejers tagħna dehret evidenti. Żball u nuqqas bħal dan seta' jeliminahom minn dan il-Grupp ta' Kwalifikazzjoni peress li l-ewwel post għandu ċ-ċertezza tal-kwalifikazzjoni u f'każ ta' punti indaqs, tidħol id-differenza tal-gowls.

 

Meta l-indikazzjonijiet bdew juru li l-parita sejra għal draw ta' 1-1, saret ġustizzja meta wasal il-gowl li jista' jkun dak tal-kwalifikazzjoni minn xutt ta' Theuma li kien miżmum xi ftit mill-gowlkiper avversarja, u Carabott taret minn tula biex tipprova tkompli bir-ras għal ġewwa, żbilanċjat lill-gowlkiper avversarja bil-ballun jispiċċa ġewwa.

 

Kien gowl li ġab ċelebrazzjonijiet kbar fost il-plejers Maltin u l-kontinġent kollu. Ma naqasx l-għajjat u l-appoġġ tal-pubbliku preżenti li deher emozzjonat bi tbissima. L-appell tagħna hu li jattendi bi ħġaru għall-aħħar partita tal-Grupp, il-Ħamis li ġej fil-11.00am, fil-Victor Tedesco Stadium, fil-Hamrun.

 

Issa kollox għall-Ħamis li ġej.

 

L-importani: M'hemmx għalfejn riskji żejda. Draw u punt ikunu biżżejjed biex Malta tikkwalifika għat-tieni rawnd, li jfisser Grupp ieħor aktar diffiċli ta' partiti x'jintlagħbu f'pajjiżna u fil-pajjiżi ta' fejn jitilgħu l-poloz.

 

Well done girls...u Forza Malta!

 

It-tim nazzjonali Malti lagħab b'din il-formazzjoni:

 

MALTA: Xuereb Janice (GK), Zahra Gabriella (Mandy Debono), Vella Yasmeen-Marie (Martina Borg), Farrugia Stefania, Theuma Dorianne, Carabott Ylenia Anne, Cuschieri Rachel, Zammit Shona, Flask Jade, Zammit Charlene (Ann Marie Said), Borg Brenda.

Official Sponsors
Commercial Partners