Malta Football Association
NEWS:
"Għada se nilagħbu biex nirbħu" - Mark Gatt
Apr 8, 2015
Posted in:
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

"Għada se nilagħbu biex nirbħu. Ma nistgħux noqgħodu naħsbu li draw biżżejjed biex nirbħu l-Grupp. Kollox għad jista' jiġri, iżda nammetti, il-pożizzjoni li ninsabu fiha tagħmilna aktar komdi. Fiduċjuż li se jirnexxielna."

 

Dawn kienu l-ewwel kummenti li ta Mark Gatt, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa, ġurnata qabel l-aħħar partita ta' għada kontra l-Gżejjer Faroe, minn Grupp 2 tal-UEFA Women's EURO Qualifier Mini-Tournament.


 

"L-ewwel żewġ partiti konna tajjeb u wrejna li kapaċi nilagħbu l-futbol daqs kulħadd inkluż il-pajjiżi ikbar minna jew daqsna. Għandi biss kliem ta' tifħir lejn il-plejers tagħna. Taw dak kollu li jafu. Għada se tkun partita importanti daqs it-tnejn ta' qabilha. Importanti li nżommu ruħna ffukati. Draw tajjeb ukoll. Għandna żewġ riżultati favur tagħna iżda l-għan ewlieni se jkun li nġibu tliet punti oħra," kompla Gatt.

 

Mistoqsi mill-media lokali fuq l-importanza ta' plejers bħal Dorianne Theuma, Rachelle Cuschieri u Ylenia Carabott, Gatt faħħar il-wirjiet tat-tlieta li huma iżda qal li t-tim hu kompost mill-plejers kollha li ssejħu fl-iskwadra.

 

"Thuema, Cuschieri u Carabott huma tliet plejers importanti ħafna. Iżda waħedhom ma jistgħux jilagħbu. Fil-lasti hemm bżonn gowlkiper tajba. Mingħajr difiża u nofs il-grawnd sod ma tistax tilgħab. U jekk ma jkollokx sostituti ta' livell ma tistax tagħmel bidla. Nippreferi nħares lejn il-plejers kollha li s'issa kollha kemm huma taw aktar mill-100% tagħhom," qal Gatt.

 

Għall-konferenza stampa kienu preżenti wkoll il-kowċis kollha tat-tliet pajjiżi l-oħra; Juan Calrez Ruiz Garcia tal-Andorra, Jon Pauli Olsen tal-Gżejjer Faroe u Kostava Tamaz tal-Ġorġja.

 

Olsen, il-kowċ li se jkun qiegħed jiffaċċja lil Malta fil-partita ta' għada qal,

 

"M'hemmx dubju li Malta jibdew favoriti. Draw biżżejjed għalihom. Kienu bravi fl-ewwel żewġ partiti u dak li akkwistaw kien mistħoqq kollu. Rebħa biss tajba għalina u dak li se nkunu qegħdin nippruvaw nagħmlu. Nafu li l-Maltin għandhom kull dipartiment b'saħħtu iżda m'aħniex qalbna maqtugħa. Irridu nżommu kalmi u nattakkaw biex forsi niskurjaw kmieni."

 

Tamaz, il-kowċ tal-Ġorġja tkellem fuq il-partita kontra Malta u dik ta' għada.

 

"Kontra Malta konna xi ftit żvinturati iżda dak hu parti mil-logħba tal-futbol. Stajna skurjajna l-gowl tar-rebħa u minflok qlajnih fl-aħħar sekondi. Iżda ma nistax ma nfaħħarx il-wirja tal-Maltin. Għalina se tkun diffiċli. Irridu nirbħu bi skor kbir ħafna u nisperaw li jitilfu l-Maltin. Għad hemm ftit tama u la hemm dan, mhux se naqtgħu qalbna."

 

Garcia, kowċ ta' Andorra, minkejja li r-riżultati ma ġewx kif xtaq, tkellem u ddefenda l-plejers tiegħu.

 

"Aħna għadna nibdew. Mhux se nikkumparaw ruħna ma' Malta jew il-Gżejjer Faroe. Il-futbol tan-nisa f'Malta ilu ħafna snin. Iżda aħna bdejna minn fejn beda kulħadd u ma tistax tistenna mirakli fl-ewwel logħbiet tagħna. L-importani bħalissa għalina hu li l-plejers tagħna jieħdu l-esperjenza minn partiti bħal dawn u jieħdu pjaċir jilagħbu. Konvint li se nitjiebu fil-futur."

 

L-erba' pajjiżi jilagħbu l-aħħar partita għada fil-11.00am. Malta tilgħab kontra l-Gżejjer Faroe fil-11.00am fil-Victor Tedesco Stadium, fil-Hamrun mentri l-Ġorġja u l-Andorra jilagħbu fl-istess ħin fl-istadium nazzjonali, f'Ta' Qali. 

 

L-MFA tappella lill-pubbliku Malta biex jiġi jagħti l-appoġġ lit-tim nazzjonali Malti. Id-dħul għal dawn il-partiti hu mingħajr ħlas.

Official Sponsors
Commercial Partners