Malta Football Association
NEWS:
Kunsill tal-MFA...b'mod dirett
May 13, 2015
Posted in:

 

Mark Attard, Media Officer

 

Il-Kunsill tal-MFA fetaħ b'filmat li fakkar il-memorji tat-tournament tal-UEFA li sar bħal dan iż-żmien sena fejn f'Malta kien qegħdin isiru l-Kampjonat Ewropej ta' taħt is-17-il sena. Bħalissa, dawn il-kampjonati qed isiru fil-Bulgarija u kien għalhekk li Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali, ħass li għandu jerġa' jġedded il-memorji lill-kamra.


 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, feraħ lil Alfred Camilleri, f'isem Gżira Utd FC, li bħala membru ġdid ħa postu fil-kamra tal-Kunsill tal-MFA.

 

Bjorn Vassallo qara l-aħbar li Norman Darmanin Demajo ntagħżel biex ikun fil-Kumitat tal-UEFA li fiż-żmien li ġej se jibda jaħdem fuq is-Social Responsability. Ic-chairman tal-Kumitat se jkun Michel Barroso u l-Kumitat se jaqa' taħt il-ħarsien ta' Michel Platini, President tal-UEFA.

 

Bjorn Vassallo qal li l-MFA irċiviet notifikazzjoni mill-FIFA fejn ħabbret li għall-istaġun li ġej, is-suq tat-trasferimenti fis-sajd irid jinfetaħ fid-9 ta' Ġunju 2015 u jagħlaq fil-31 ta' Awwissu 2015 mentri dak tax-xitwa jiftaħ fl-4 ta' Jannar 2016 u jagħlaq fl-1 ta' Frar 2016.

 

Bjorn Vassallo qal li fl-aħħar ġimgħat u xhur saru diversi 'doping tests' fuq diversi partiti tal-MFA u rriżulta li f'partita waħda kien hemm żewġ plejers li ttestjaw pożittiv. Il-partita kienet mill-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni bejn Melita FC vs St George's FC ta' April li għadda. Iż-żewġ plejers ġew sospiżi immedjatament sakemm isiru l-proċeduri kollha f'każijiet simili.

 

Michael Cutajar, membru tal-Kunsill ta' St George's ippropona li l-eks-membri tal-Kunsill li waħlu sospensjoni taħt xi regolamenti ibsien tal-MFA, jingħataw amnestija u maħfra bħala 'buona volonta' min-naħa tal-Assoċjazzjoni. Fil-kamra kien hemm diversi kummenti u punti li kienu favur u kontra l-mozzjoni li ressaq Cutajar minn Alex Arena, membru tal-Kunsill f'isem ir-referees, Dr Adrian Delia, membru tal-Kunsill f'isem Birkirkara FC, Charles Scerri, membru tal-Kunsill f'isem Lija Athletics, Alfred Camilleri, membru tal-Kunsill f'isem Gżira Utd, Manuel Gauci, membru tal-Kunsill f'isem Zabbar FC, u Redeno Apap, membru tal-Kunsill f'isem Qormi FC. Il-maġġoranza tal-membri qablu li l-membri sospiżi taħt ir-regolament l-antik ta' massimu ta' sena sospensjoni u li issa ġie emendat għal tliet xhur ta' sospensjoni massima, għandu jingħata din l-amnestija. Dr Chris Bonett, Viċi President tal-MFA, spjega l-Istatut u r-regolament tal-MFA numru 142 u qal li fil-Kunsill irid ikun hemm maġġoranza u li amnestija oħra simili fuq membri tal-Kumitat tal-klabbs ma tistax terġa' ssir qabel sentejn oħra.

Il-mozzjoni kienet tgħid li min waqa' taħt ir-regolament li ġie emendat minn massimu ta' sena sospensjoni għal tliet xhur sospensjoni u li waħel il-minimu ta' sena sospensjoni jibbenifika mill-amnestija tal-MFA b'mod immedjat. Il-vot ġie wieħed kontra, 8 astensjonijiet u l-kumplament ivvutaw favur. B'hekk dawk li kienu sospiżi inqas minn sena ingħataw amnestija u ġew maħfura.

 

Il-Laqgħa tal-Kunsill intemmet hemmhekk u l-membri tal-kamra mistennija jerġgħu jirritornaw lura għal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja li tibda fl-4.00pm fejn fiha se jittieħed vot kruċjali dwar il-Players Status Reform.

 

Wara l-LĠS, se ssir konferenza stampa lill-media lokali fejn fiha se jitkellmu Bjorn Vassallo u Dr Chris Bonett, Segretarju Ġenerali u Viċi President tal-MFA, rispettivament.

Official Sponsors
Commercial Partners