Malta Football Association
NEWS:
“Se tkun finali bilanċjata bejn l-aqwa tnejn”
May 21, 2015
Posted in:
General
Cups & Competitions
Ritratti: Domenic Aquilina u Joe Borg
Ritratti: Domenic Aquilina u Joe Borg

  • Ritratti: Domenic Aquilina u Joe Borg

Mark Attard, Media Officer

 

“Se tkun finali bilanċjata bejn l-aqwa tnejn.” Din is-sentenza ntqalet mill-erba’ protagonisti li dalgħodu tkellmu fil-konferenza stampa organizzata mill-Malta Football Association fil-Grand HotelExcelsior, il-Furjana.

 

Għal din il-konferenza tkellmu Branko Nisevic u Andrew Cohen, f’isem Hibernians FC u Paul Zammit u Paul Fenech, f’isem Birkirkara FC, kowċ u captain taż-żewġ finalisti tal-FA Trophy 2014/15, li se tintlagħab is-Sibt li ġej fil-5.00pm.


 

Nisevic qal li se tkun partita diffiċli ħafna bejn l-aqwa żewġ timijiet.

 

“M’hemmx ħafna differenza bejn it-tnejn. Qed nistennew partita diffiċli. Il-qawwa ta’ Birkirkara żdiedet matul l-aħħar partiti. Se nippruvaw nagħmlu xi ħaġa li ilha ma tiġri f’Raħal Ġdid għal aktar minn 20 sena,” qal Nisevic.

 

Zammit qal li se jilagħbu kontra l-aqwa tim iżda xorta diffiċli tbassar min se jirbaħ.

 

“Il-finali se tlaqqa’ żewġ timijiet li kellhom fortuni differenti f’dan il-kampjonat. Din is-sena kien hemm dominanza minn Hibernians u rebħu l-kampjonat kważi mingħajr telfa. Aħna bdejna l-kampjonat b’ħafna plejers imweġgħin u xorta rnexxielna nirbħu s-Super Cup. Konna l-aktar tim li rsaqna viċin Hibernians iżda ma rnexxielnix naqbżuhom għar-rebħ tat-titlu,” qal Zammit.

 

Għal din il-finali, l-MFA għandha pjanat spettaklu ta’ mużika li jibda għal ħabta tat-3.30pm, fejn Pierra Cordina se jkun qed idoqq mużika u jiċċelebra maż-żewġ settijiet tal-partitarji.

 

Fil-konferenza tkellem ukoll Andrew Cohen, captain ta’ Hibernians li qabel ukoll li se tkun finali bejn l-aqwa żewġ timijiet.

 

“Il-partiti kollha li lgħabna kontra Birkirkara FC kienu mill-iktar ibsien u m’għandix dubju li din se tkun l-istess. Aħna konna l-aktar konsistenti u żammejna dejjem l-għola livell possibbli. Irridu nġibu ‘d-double’ f’Raħal Ġdid.”

 

Paul Fenech, captain ta’ Birkirkara FC, qal li fil-partiti diretti tal-Kampjonat kontra Hibernians kienu xi ftit aħjar iżda Birkirkara ma kienux konsistenti biex setgħu jirbħu l-Kampjonat.

 

“Dejjem kienet partita bilanċjata bejnietna. Forsi fil-konfronti diretti nazzarda ngħid li aħna konna xi ftit aħjar. Iżda l-Hibs kienu konsistenti aktar. Il-post fil-finali li akkwistajna kien mistħoqq għalina. L-aħjar żewġ timijiet se jilagħbu din il-finali. Għalina importanti li nirbħu. Se nippruvaw nagħlqu l-istaġun bit-tajjeb,” temm Fenech.

 

L-MFA avżat li l-partitarji ta’ Hibernians se jkunu allokati f’West Side C u Millennium D, waqt li dawk ta’ Birkirkara FC se jkunu allokati f’West A u Millennium F. Il-partitarji ta’ Hibernians FC iridu jidħlu lejn Ta’ Qali min-naħat tar-Rabat u l-Palk Nazzjonali u jipparkjaw il-vettura tagħhom hemmhekk, waqt li dawk ta’ Birkirkara jidħlu min-naħat tal-Mosta u jipparkjaw fil-West Parking.

 

It-ticket booths se jinfetħu fit-3.00pm u l-biljetti tal-West Stand bdew jinbiegħu miż-żewġ klabbs rispettivi mill-bieraħ. Dawk il-persuni bi bżonnijiet speċjali se jkollhom post allokat għalihom fil-Millennium D, jekk partitarju ta’ Hibernians FC u fil-Millennium F, jekk partitarju ta’ Birkirkara FC.

 

Il-partita se tkun ikkontrollata minn seba’ referees u l-FA Trophy se tinħareġ fuq il-pitch qabel il-kick off minn Charles Scerri, eks-plejers ta’ Hibernians FC u Antoine Zahra, eks-plejer ta’ Birkirkara FC. Iż-żewġ plejers lagħbu wkoll mat-tim nazzjonali Malti.

Official Sponsors
Commercial Partners