Malta Football Association
NEWS:
Żjara fi skola minn Briffa u Agius
May 28, 2015
Posted in:

 

Mark Attard, Media Officer MFA

 

Dalgħodu, Roderick Briffa u Andrei Agius, żewġ plejers tat-tim nazzjonali Malti, żaru l-iskola Sant’Injazju f’Tal-Ħandaq, Ħal-Qormi, bħala parti mill-promozzjoni għat-tim nazzjonali Malti, ftit jiem qabel iż-żewġ partiti kontra l-Litwanja  u l-Bulgarija li se jintlagħbu fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.


 

Iż-żjara serviet ukoll bħala sorpriża għat-tfal tal-klassi ‘Learning Support Zone’, immexxija mis-Sinjura Priscilla Micallef, bl-għajnuna tal-LSA, Is-Sinjura Natalie Pisani. Fi kliema stess, is-Sinjura Micallef irringrazzjat lill-kontinġent Malti taż-żjara tiegħu u qalet lit-tfal li dan kien rigal u sorpriża għalihom ta’ kemm kienu obbidjenti matul is-sena skolastika.

 

Briffa u Agius ħadu ritratti mat-tfal u mal-għalliema preżenti u kienu anki disponibbli li jiffirmaw lil dawk kollha preżenti. Huma qasmu posters u stickers tat-tim nazzjonali mal-iskola kollha.

 

Wieħed ta’ min jammira u jfaħħar lit-tfal kollha tal-interess li wrew billi poġġew bilqiegħda għal ħin mhux ħażin u staqsew liż-żewġ plejers fuq il-karriera tagħhom ta’ plejers tal-futbol u anki fuq l-esperjenzi li kellhom fil-passat fit-tim tannzjonali u anki mal-klabbs li huma lagħbu magħhom. It-tfal kienu kollha ta’ bejn il-Form 1 u l-Form 4.

 

Briffa u Agius ġew mistiedna mit-tfal u mit-teachers biex jilagħbu partita futbol. Iż-żewġ plejers nazzjonali, f’din il-partita ta’ ħbiberija bejn l-istudenti, iddeċidew li jieħdu r-rwol ta’ goalkeepers, anki jekk għal darba waħda biss fil-karriera tagħhom.

 

Fl-aħħar taż-żjara, l-istudenti rringrazzjaw lil Briffa u lil Agius filwaqt li ngħataw ċapċipa kbira u mistħoqqa minn dawk kollha preżenti, inkluż l-għalliema.

 

www.mfa.com.mt ħa l-kummenti taż-żewġ plejers.

 

Briffa qalilna,

 

“Ħaġa sabiħa li tiġi tgħaddi ftit ħin ma’ dawn it-tfal li għandhom id-diffikultajiet tagħhom u aħna nippruvaw ngħinuhom. Għal okkażjonijiet hekk, jien se nkun minn ta’ quddiem biex dejjem ngħin fejn nista’.”

 

Agius, kompla fuq dak li qal il-vice captain tat-tim nazzjonali,

 

“Jekk b’xi mod nista’ ngħin bil-preżenza tiegħi u nkun ta’ eżempju se nibqa’ nagħmilha għax xi ħaġa sabiħa. Kien hawn atmosfera partikolari ma’ dawn it-tfal. Il-fatt li aħna għalihom ‘role models’, tpoġġi responsabbilta’ ikbar fuqna,” temm Agius.

 

Malta tilgħab partita ta’ ħbiberija t-Tnejn 8 ta’ Ġunju fit-8.00pm fl-Istadium Nazzjonali kontra l-Litwanja mentri fit-12 ta’ Ġunju tilgħab is-sitt partita minn Grupp H ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej fl-Istadium Nazzjonali kontra l-Bulgarija.

Official Sponsors
Commercial Partners