Malta Football Association
NEWS:
Tim nazzjonali Malti: Jingħaqad il-grupp
Jun 2, 2015
Posted in:
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

Mark Attard, Media Officer

 

It-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Pietro Ghedin u l-assistent Ray Farrugia, ilbieraħ wara nofsinhar ingħaqad għall-ewwel darba bħala grupp sħiħ għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ li se twassal għal ġimgħatejn intensivi qabel iż-żewġ partiti kontra l-Litwanja u l-Bulgarija.


 

Malta tilgħab partita ta’ ħbiberija kontra l-Litwanja t-Tnejn 8 ta’ Ġunju, fit-8.00pm, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali u kontra l-Bulgarija fit-12 ta’ Ġunju, partita valida mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropew.

 

Il-grupp tħarreġ l-aktar fuq il-fiżika taħt il-gwida ta’ Luca Pagani biex lejn it-tieni nofs tas-sessjoni, ħadu kollox f’idejhom Ghedin u Farrugia filwaqt li Charles Sciberras ħa f’idejh il-gowlkipers.

 

Il-plejers kollha dehru disponibbli u f'forma tajba u konċentrati, konxji li quddiemhom għandhom żewġ partiti li fihom iridu jagħtu l-aqwa tagħhom. L-uniku plejer li tħarreġ waħdu u mhux fil-grupp kien Andre' Schembri, li iżda m'għandux ikollu problemi biex jidħol jagħmel parti mill-iskwadra b'mod normali.

 

Fost il-grupp hemm nieqes Andrew Hogg, il-gowlkiper nazzjonali, li għadu mhux fl-aqwa kundizzjoni tiegħu u mhux ċert jekk jirkuprax fil-ħin biex ikun. Neqsien ukoll minħabba injuries hemm Steve Borg u Ryan Fenech.

 

It-tim nazzjonali Malti jitħarreġ kuljum fil-5.00pm fit-training grounds tal-MFA. Is-sessjonijiet għandhom jieħdu massimu ta’ siegħa u nofs ’il waħda.

 

Il-kontinġent jinġabar f’lukanda mis-Sibt 6 ta’ Ġunju sat-12 ta’ Ġunju, il-ġurnata tal-partita kontra l-Bulgarija.

Official Sponsors
Commercial Partners