Malta Football Association
NEWS:
Blatter se jirriżenja
Jun 2, 2015
Posted in:

Mark Attard

 

Sepp Blatter, il-President attwali tal-FIFA, mistenni jirriżenja mill-kariga tiegħu. Din l-aħbar taha hu stess f’konferenza stampa ftit tal-ħin ilu fil-kwartieri tal-FIFA fi Zurich, l-Isvizzera.


 

Blatter qal li qed jagħmel dan għax iħoss li m’għadx għandu l-appoġġ tal-maġġoranza sħiħa tal-pajjiżi tad-dinja li jiffurmaw il-FIFA u min ħafna persuni inġenerali madwar id-dinja u għalhekk, fl-opinjoni tiegħu, “iħoss li għandu jagħti ċans u spazju lil ħaddieħor.”

 

Blatter rebaħ l-elezzjoni fil-Kungress tal-FIFA li sar is-Sibt li għadda kontra l-Prinċep Ali tal-Ġordan li kien l-uniku kontestant għal din l-għola kariga possibbli fid-dinja tal-futbol. Blatter irreġistra 133 vot jew kważi 65% tal-voti eliġibbli mill-209 pajjiżi. Il-Prinċep Ali ġab 73 vot.

 

Din l-aħbar jidher li kienet ta’ sorpriża għal dawk il-membri tal-FIFA li ħassew li hemm bżonn issir bidla mmedjata fil-FIFA, anki wara l-aħħar skandli ta’ korruzzjoni li fihom hemm implikati fost l-aktar nies li kienu viċin Blatter u li iżda ma jafhux x’seta’ ġara f’dawn l-aħħar sigħat minn meta Blatter ingħata mandat ieħor li kien tant b’saħħtu.

 

Blatter qal li se jkun qiegħed isejjaħ Kungress Straordinarju u hu se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ President sa dakinhar.

 

Wieħed irid jara min se jkunu dawk madwar id-dinja tal-futbol li se juru interess għal din il-kariga u jekk il-Prinċep Ali hux se jerġa’ jikkontesta. Siti oħra internazzjonali diġa’ qed jaraw lil Michel Platini bħala alternattiva għal Blatter fil-Kungress Straordinarju li mistenni jsir sitt xhur oħra

 

Ikkuntattjat minn www.mfa.com.mt, Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA qal:

 

“Kien xokk qawwi għalija. Għandi kurżita’ kbira biex inkun naf x’ġara f’dawn l-aħħar 48 siegħa. Din hi opportunita’ għad-dinja tal-futbol biex nibdew paġna ġdida u biex il-FIFA terġa’ tiġbor ġieħa.

 

“Issa nħossni tassew mistrieħ li l-maġġoranza tad-dilettanti tal-futbol fid-dinja se jerġgħu jirbħu l-fiduċja fil-FIFA li fl-aħħar snin kienet waqgħet fl-aktar livelli baxxi,” temm Darmanin Demajo.

Official Sponsors
Commercial Partners