Malta Football Association
NEWS:
“Wasal iż-żmien li nieqfu nagħmlu żbalji banali” – Ghedin
Jun 8, 2015
Posted in:
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

Mark Attard, Media Officer

 

“Wasal iż-żmien li nieqfu nagħmlu żbalji banali. Il-partita ta’ għada kontra l-Litwanja se tkun prova biex naraw tgħallimnix minn dawn l-iżbalji u nippruvaw noħorġu l-aħjar tagħna biex inkunu aktar preparati għal Ġimgħa kontra l-Bulgarija.”

 

Dawn kienu l-ewwel kliem li qal Pietro Ghedin, kowċ nazzjonali ta’ Malta f’konferenza stampa li saret illum wara nofsinhar fis-sala tal-konferenzi fl-istadium nazzjonali, f’Ta’ Qali li kellha attendenza tajba mill-media lokali.


 

Ghedin qal li fil-partita ta’ għada jista’ jkollna xi plejers li jibdew il-partita bħala esperiment għall-partita tal-Ġimgħa, iżda madankollu, żgur li t-tim ħiereġ b’mentalita’ li jġib riżultat pożittiv.

 

“Il-Litwanja jinsabu fis-96 post fir-ranking tal-FIFA u għaldaqstant qegħdin f’pożizzjoni ħafna aħjar minn tagħna. Irridu nsibu mezz kif nattakkaw u niskurjaw filwaqt li wasal iż-żmien li nillimitaw l-iżbalji banali,” qal Ghedin.

 

It-tim nazzjonali Malti għandu nieqes lil Andrew Hogg, Jonathan Caruana, Steve Borg, Terence Vella u Andre’ Schembri li żgur mhux se jilħaq ikun f’siktu sa għada iżda hemm probabbilta’ li jilgħab il-ġimgħa.

 

Mistoqsi fuq min se jilgħab fil-lasti bejn Haber u Bonello, Ghedin wieġed li għadu ma ddeċidiex u jista’ jieħu deċiżjoni li jilagħbu taqsima kull wieħed.

 

Mistoqsi fuq Firas Aboulezz, wieħed mid-debuttanti fit-tim, Ghedin qal li l-plejer ta’ Tarxien Rainbows FC hu plejer ta’ kwalita’ tajba iżda kien sfortunat li fl-aħħar snin kellu diversi injuries u jridu jkunu dawn il-partiti li jiddeterminaw jekk għadux f’kundizzjoni li jilgħab futbol internazzjonali.

 

Mistoqsi fuq il-kuntratt tiegħu u x’se jiġri hekk kif jiskadielu, Ghedin qal:

 

“Il-futur tiegħu hu biss il-partita ta’ għada u tal-Ġimgħa. Fuq dak biss qiegħed naħseb bħalissa. Dawk affarijiet primarji fil-mument. Il-kumplament fuqi personali u fuq il-kuntratt tiegħi u jekk nibqax jew nitlaqx huma biss sekondarji li tkunu tafuhom wara li niddiskuti mal-Assoċċjazzjoni,” qal Ghedin.

 

Tkellmu wkoll Paul Fenech u Alex Muscat, żewġ plejers li jistgħu jkunu parti mill-iskwadra ta’ għada u tal-Ġimgħa.

 

Fenech qal: “Partita li naħseb ġiet f’mument tajjeb għalina peress li għadu kemm spiċċa l-istaġun u għalhekk il-plejers kollha jistgħu jkunu f’kundizzjoni tajba qabel il-ftit mistrieħ li jkollna. Għada se nippruvaw nirbħu u nħejju lilna nfusna għall-partita tal-Ġimgħa, li wara kollox hi l-iktar waħda importanti.”

 

Muscat qal: “Il-Litwanja hu fiżikament tim b’saħħtu ħafna iżda teknikament nemmen li nistgħu nkunu l-aħjar tim. Għada rridu prestazzjoni tajba u norganizzaw ruħna sew għall-partita tal-Ġimgħa. Nafu kif spiċċat il-partita fil-Bulgarija u għaldaqstant l-avversarji tagħna ma tantx se jafdawna u ġejjin hawnhekk biex jirbħu u jieħdu tliet punti. Iżda għalissa qegħdin naħsbu fuq għada biss.”

 

Intant, it-tim nazzjonali Malti, kellu sessjoni ta' taħriġ ta' siegħa eżatt wara l-konferenza stampa li kienet miftuħa għall-istampa sakemm reġa' lura fil-lukanda Excelsior Hotel, il-Furjana, fejn qiegħed ikun alloġjat.

 

Matul il-lejla tal-Ħadd filgħaxija, ħafna mill-plejers kienu disponibbli għall-programm Kontrattakk fuq TVM 2 fejn taw il-kummenti tagħhom fuq il-partita ta' għada u tal-Ġimgħa kontra l-Bulgarija.

 

It-tim nazzjonali jagħmel l-aħħar sessjoni ta' taħriġ għada filgħodu fil-Victor Tedesco Stadium, fil-Ħamrun. Imbagħad jerġa' lura fil-lukanda għall-aħħar laqgħa bejn il-kowċis u l-plejers. Il-kontinġent iħalli l-lukanda lejn l-istadium nazzjonali f'Ta' Qali fis-6.00pm.

 

Il-partita ta' ħbiberija kontra l-Litwanbja tibda fit-8.00pm u l-MFA tħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jiġi jagħti l-appoġġ lill-plejers tagħna.

Official Sponsors
Commercial Partners