Malta Football Association
NEWS:
"Inqas żbalji u żewġ gowls bellezza" - Pietro Ghedin
Jun 8, 2015
Posted in:

Mark Attard, Media Officer

 

"Għamilna inqas żbalji. Kważi m'għamilna xejn. Kienet wirja kollettiva kbira anki jekk b'diversi plejers neqsien. U ma' dan kollu wieħed irid iżid il-gowls bellezza li skurjaw Fenech u Effiong. Wirjiet u rebħiet bħal dawn ma jiġux mix-xejn. Il-plejers ħadmu ħafna u tgħalmu ħafna. Illum għandi biss kliem ta' tifħir għalihom kollha."

 

Hekk beda l-konferenza stampa ta' wara l-partita kontra l-Litwanja Pietro Ghedin, kowċ nazzjonali ta' Malta, li wera s-sodisfazzjon għal mod kif il-plejers tiegħu ħarġu fil-pitch u ġġieldu għal kull ballun biex anki jekk f'partita ta' ħbiberija, ġabu rebħa prezzjuża għal Malta.


 

"Bla dubju l-wirja tal-lum se tiswiena għal nhar il-Ġimgħa meta hawnhekk se jkun hawn il-Bulgarija. Tal-Ġimgħa se jkun konfront aktar importanti għaliex hi partita mill-Grupp ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej. Irridu nżommu lilna nfusna ffukati u noqgħodu attenti f'kull dipartiment, speċjalment fid-difiża. Il-partita tal-lum se twassalna sal-Ġimgħa b'moral għoli u bi ftit aktar fiduċja," qal il-kowċ nazzjonali.

 

Mistoqsi fuq il-partita tal-Ġimgħa kontra l-Bulgarija u jekk it-tim hux se jibda bl-istess formazzjonali, il-kowċ Taljan ma żvela xejn u qal biss li l-partita tal-lum kienet waħda speċjali u dan minħabba l-fatt li fit-tim nazzjonali Malti jrid dejjem jara l-ispirtu u l-ħeġġa li kien hemm f'dawn id-90 minuta.

 

Hekk kif spiċċat il-konferenza stampa, il-plejers nazzjonali flimkien mal-istaff tekniku, marru lura fil-lukanda fejn jinsabu alloġġjati.

 

Minn għada tibda l-preparazzjoni għall-partita tal-Ġimgħa kontra l-Bulgarija li se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali u tibda fid-8.45pm.

 

L-MFA tħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jattendi u jagħti l-appoġġ lill-plejers Maltin.

Official Sponsors
Commercial Partners