Malta Football Association
NEWS:
“Id-differenza jagħmluha l-plejers mhux il-kobor tal-pajjiż” - Andrei Agius
Jun 10, 2015
Posted in:
Ritratti: Paul Zammit Cutajar, Domenic Aquilina u Joe Borg
Ritratti: Paul Zammit Cutajar, Domenic Aquilina u Joe Borg

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar, Domenic Aquilina u Joe Borg

Mark Attard, Media Officer

 

Jumejn qabel il-partita kontra l-Bulgarija, valida mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2016, Andrei Agius, difensur ċentrali ta’ Malta u ta’ Hibernians FC, jitkellem mas-sit www.mfa.com.mt fuq l-aħħar żviluppi fil-karriera tiegħu u fit-tim nazzjonali Malti, b’mod speċjali l-partita tat-Tnejn li għadda kontra l-Litwanja, li t-tim nazzjonali rebaħ bi skor ta’ 2-0.


 

Il-plejer ta’ 28 sena ma ħadhiex b’sorpriża li Malta rebħet dan il-konfront għaliex fl-opinjoni tiegħu, il-Litwani huma bejn wieħed u ieħor tal-livell ta’ Malta.

 

“Deher mill-ewwel li l-Litwani huma tal-istess livell tagħna. Forsi ftit aħjar fejn tidħol fiżika u saħħa iżda teknikament aħna aħjar minnhom. Din li għax qed nilagħbu ma’ pajjiż kbir bilfors aħjar minnha ma naqbilx magħha. Naraha skuża. Id-differenza bejn tim u ieħor jagħmluha l-plejers u mhux il-kobor tal-pajjiż.

 

“Għalina kien test importanti ħafna bi preparazzjoni għall-Ġimgħa. Ġibna riżultat pożittiv ħafna u dan jawgura tajjeb. Kienet logħba tajba min-naħa tagħna. It-tim kien iddixxipplinat ħafna. Skurjajna żewġ gowls tal-istampi grazzi għal Paul Fenech u Alfred Effiong. Wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-wirja tagħhom li waslet għal rebħa Maltija wara tant xhur. Iżda għall-partita kontra l-Bulgarija rridu naħdmu ħafna aktar.,” jgħid Agius.

 

Id-difensur nazzjonali twieled fit-12 ta’ Awwissu 1986 f’Raħal Ġdid. Iddebutta fit-tim nazzjonali ta’ 18-il sena u lagħab il-parti l-kbira tal-karriera tiegħu barra minn Malta, fl-Italja, ma’ diversi timijiet. Fl-istaġun li għadda kien protagonist fir-rebħ tal-BOV Premier Leagu għat-tim ta’ Raħal Ġdid, xi ħaġa li ħolom li jagħmel sa minn eta’ żgħira.

 

Il-Ġimgħa jmiss partita oħra mill-aktar importanti. Is-sitt partita minn Grupp H kontra l-Bulgarija, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali. Malta tinsab f’qiegħ il-Grupp b’punt wieħed, akkwistat proprju kontra l-Bulgarija, f’Sofia, ftit tax-xhur ilu bi skor finali ta’ 1-1, bil-gowl tad-draw jasal minn penalty ta’ Clayton Failla.

 

Agius jitkellem fuq it-tim nazzjonali Bulgaru.

 

“Il-Bulgarija tim differenti mil-Litwanja. Għandhom aktar fiżika u saħħa u dan urewh fil-partita kontra l-Italja. Il-kowċ il-ġdid daħħal xi plejers ġodda fit tim. Ġejjin Malta biex jirbħu u jikkwalifikaw.

 

“Fil-Bulgarija kienet partita ta’ żewġ taqsimiet differenti. L-ewwel taqsima konna batejna ħafna iżda fit-tieni taqsima bdilna l-atteġġjament u rnexxielna nġibu l-gowl tad-draw. Għall-Ġimgħa hemm bżonn wirja oħra ta’ kuraġġ. U konvint li se jkollna wirja tajba. Fiduċjuż iżda mhux se naraw kbir. Jien irrid nirbaħ kull partita iżda naf li impossibbli.”

 

Iżda x’atmosfera qed tirrenja bħalissa fit-tim nazzjonali u kif qed iħarsu lejn il-partita tal-Ġimgħa?

 

“L-atmosfera pożittiva anki jekk ħafna minnha nilagħbu kontra xulxin fil-kampjonat. Hawn ambjent sabiħ u dan jawgura tajjeb biex nippruvaw ingibu aktar punti f’dan il-Grupp. Għalija rrilevanti humiex it-Taljani jew il-Bulgarija. Toħroġ fil-pitch biex tipprova tirbaħ u ġġib il-punti. Il-partita kontra t-Taljani aħjar biss għax tagħtik aktar exposure u tkun qiegħed tilgħab kontra plejers ta’ fama u klassi mondjali,” jistqarr Agius.

 

Nistaqsih fuq Pietro Ghedin u kif jarah bħala kowċ nazzjonali, hu li lagħab ħafna mill-karrriera tiegħu fl-Italja u għalhekk m’hemmx dubju li jaf l-iskola tal-futbol Taljana bl-amment.

 

“Ghedin kowċ ta’ esperjenza kbira. Ħadem ma’ ħafna plejers kbar fil-passat meta kien mal-FIGC. Teknikament dixxipplinat ħafna u jibbaża ħafna fuq kif niddefendu u kif nagħlqu d-difiża. Għalih importanti ħafna li l-forma tat-tim tibqa’ konsistenti kemm meta niddefendu u anki meta nattakkaw.

 

“Għalih importanti wkoll li nagħtu l-mija fil-mija anki jekk għandna neqsien plejers bħal Andrew Hogg, Steve Borg, Jonathan Caruana u Terence Vella. Kellna mweġġa’ lil Andre’ Schembri wkoll fl-ewwel partita u lagħab l-aħħar ftit. Nisperaw li jirkupra sal-Ġimgħa,” jgħidli Agius.

 

Insib ħin biex inkellmu wkoll fuq Hibernians FC u fuq il-livell tal-kampjonat Malti.

 

“L-esperjenza ma’ Hibernians FC kienet mill-aktar pożittiva. Qatt ma mmaġinajt li se nintegra daqshekk malajr. Ta’ dan irrid nirringrazzja lill-plejers, lill-President u lill-Kumitat kollu li għenuni f’din is-sitwazzjoni. Sibt ruħi tajjeb mill-ewwel u nispera li għall-istaġun li jmiss inkomplu naħdmu biex inżidu l-kwalita’ li diġa’ għandna.”

 

Iżda kontu mxenqin għad-double u tliftuha, nistaqsih jien b’nofs tbissima.

 

“Il-priorita’ kienet li nirbħu l-kampjonat. Imbagħad ovja li la tasal sal-finali trid tirbaħ. Id-double ridnih ukoll iżda l-futbol hu dak li hu. Il-finali ma ġietx kif xtaqna. Nippruvaw għal li jmiss.”

 

Il-futur tiegħek ma’ Hibernians FC?

 

“Jonqosni sena kuntratt. Iżda għalija importanti qabel kollox li jekk jiġi tim minn barra nitħalla mmur u dwar dan għandi wkoll klawsola fil-kuntratt.”

 

Qed taħdem fuq dan?

 

“Bħalissa m’hemm xejn. Taħditiet tal-bidu imma xejn konkret.”

 

Fl-Italja?

 

“Iva, fl-Italja.”

 

Ma’ min?

 

“Id-domanda li jmiss jekk jogħġbok,” jirrispondi Agius filwaqt li deher deċiż li mhux se jagħti aktar informazzjoni fuq dan is-suġġett.

 

Id-domanda tiegħi li jmiss tkun diretta: Kif tara l-livell tal-futbol Malti?

 

“Bħala livell mhux daqshekk baxx daqs kemm jgħidu jew jiddiskrivuh. Meta tkun lgħabt barra imbagħad ġejt hawn Malta tinduna li d-distakk mhux daqshekk kbir fejn id-diviżjonijiet li lgħabt jien. Li hu żgur hu li f’Malta għandna bżonn aktar pitches ta’ kwalita’, iktar partitarji li jiġu l-istadium u aktar organizazzjoni mill-klabbs,” jgħid Agius.

 

Nitolbu l-opinjoni tiegħu fuq il-kontroversja li nqgħalet hekk kif Effiong skurja t-tieni gowl ta’ Malta kontra l-Litwanja. Ħafna Maltin, speċjalment fuq is-siti soċjali, ġolqu muviment sħiħ kontra tiegħu minħabba l-fatt li mhux imwieled Malta u minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu.

 

“Kien kumment żejjed u bla sens. Illum ninsabu fl-2015 u n-nies iridu jdaħlu f’rashom li m’hawnx aktar lok għar-razziżmu. Anki l-UEFA tirrikonoxxi dan, tant li taħdem fuq ħafna reklamar kontra r-razziżmu.

 

“Alfred tifel sew ħafna u professjonista kbir fejn tidħol il-logħba tal-futbol. Ilu Malta aktar minn 10 snin u miżżewweġ Maltija. Jien inqisu aktar minn wieħed minnha,” jgħid Agius.

 

Andrei Agius iħalli messaġġ lill-partitarji qabel ma ntemmu l-intervista.

 

“Iktar milli messaġġ naħseb li wasal iż-żmien li n-nies jiġu konxji tas-sagrifiċċji li nagħmlu l-aktar fejn jidħol tim nazzjonali. M’aħniex l-Italja jew il-Ġermanja u anqas Spanja u l-Ingilterra iżda ninsab ċert li kull plejer f’dan il-grupp jagħti l-massimu tiegħu. Se nkomplu nippruvaw inġibu lill-partitarji kburin bina. Aktar nies isegwuni f’Ta’ Qali jfissru aktar atmosfera sabiħa,” jikkonkludi Agius.

Official Sponsors
Commercial Partners