Malta Football Association
NEWS:
"Irrid nara l-plejers kollha determinati" - Ghedin
Jun 11, 2015
Posted in:

  • Ritratti: Domenic Aquilina u Joe Borg

Mark Attard, Media Officer

 

"Għada rrid nara 11-il plejer li jissieltu għal kull ballun mill-ewwel sal 95 minuta. Irrid nara ħdax-il plejer determinat. Irrid nara titjieb fuq il-partita tal-Litwanja. U biex nagħmlu dan irid ikollna wirja oħra stupenda u ma nibżgħux mill-avversarji tagħna."

 

Hekk fetaħ il-konferenza stampa ġurnata qabel il-partita ta' għada kontra l-Bulgarija Pietro Ghedin, kowċ nazzjonali ta' Malta.

 

Għall-konferenza kienu mistiedna l-media lokali kollha u anki dawk Bulgari li interessaw ruħhom mhux ftit fil-kowċ Taljan u fiż-żewġ plejers Maltin li poġġew għall-konferenza, il-captain Michael Mifsud u l-gowlkiper Justin Haber.

 

"Il-Bulgarija wieħed mill-iktar timijiet b'saħħtu fiżikament li hawn fl-Ewropa. Ħafna iktar mil-Litwanja. Irridu noqgħodu attenti mill-veloċita' tagħhom u nirrepetu l-wirja li kellna kontriehom f'Sofia. Ninsab kunfidenti fil-plejers tiegħi li kapaċi jqumu għall-okkażjoni biex inġibu l-ewwel punti f'pajjiżna minn dan il-Grupp," kompla Ghedin.

 

Il-partita ta' għada se tkun is-sitt waħda fil-Grupp u tibda fid-8.45pm u se tixxandar ukoll b'mod dirett fuq TVM 2 u fuq l-istazzjon nazzjonali tal-Bulgarija.

 

Michael Mifsud, captain tat-tim nazzjonali, qal li l-partita ta' għada se tkun tfisser aktar għalih wara dak l-inċident sfortunat kontra l-Italja fejn intwera l-karta l-ħamra b'mod mill-iktar inġust.

 

"Ninsab lest għal din l-isfida. Ilhi nieqes xi ftit mill-partiti ta' dan il-Grupp u nħoss li għada se tkun l-okkażjoni ġusta biex nerġa' nidħol u ngħin lil sħabi biex flimkien ikollna wirja tajba u nġibu xi punti," qal Mifsud.

 

Justin Haber, gowlkiper nazzjonali,li mistenni jerġa' jieħu postu bejn il-lasti fin-nuqqas ta' Andrew Hogg, qal li għalih din se tkun aktar minn partita u dan minħabba l-fatt li hemm ċans tajjeb li jsib postu mal-ewwel bejn il-lasti, kif ġara kontra l-Litwanja.

 

"Se nagħmel minn kollox biex nagħti l-mija fil-mija tiegħi. Nispera li nkun ta' appoġġ u kuraġġ għal sħabi matul id-90 minuta. Nemmen li m'aħniex ħafna inferjuri għall-Bulgari u bi sforz kollettiv nistgħu nġibu riżultat pożittiv," qal Haber.

 

Intant, it-tim nazzjonali Malti jitħarreġ għall-aħħar darba għada filgħodu fil-Victor Tedesco Stadium, fil-Hamrun. Is-sessjoni se tkun waħda kalma mingħajr sforzi żejda.

 

It-tim nazzjonali u l-kontinġent sħiħ iħallu l-lukanda fejn jinsabu alloġġjati għada għal ħabta tas-6.00pm u mistennija jaslu għal ħabta tas-6.30pm fl-Istadium Nazzjonali, f'Ta' Qali...l-istess ħinijiet tal-kontinġent Bulgaru.

 

L-MFA tħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jiġi jagħti l-appoġġ lill-plejers nazzjonali tagħna.


Official Sponsors
Commercial Partners