


Mark Attard, Media Officer
Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali ta' Malta, deher iddispjaċut wara l-partita kontra l-Bulgarija u sostna dan fil-konferenza stampa ta' wara l-partita li t-tim Malti tilef bi skor minimu ta' 1-0.
"Iddispjaċut bir-riżultat. Kien ħaqqna aħjar. Il-plejers tiegħi issieltu għal kull ballun, kienu aggressivi u tgħalmu ħafna kif jagħlqu l-ispazji ta' wara u jmexxu l-ballun. Għandi kliem ta' taifħir biss lejhom," qal Ghedin.
Il-kowċ nazzjonali Malti faħħar il-wirja tal-gowlkiper Malti Justin Haber u ta' Alfred Effiong.
"Haber kien perfett bejn il-lasti. Salva ħafna blalen li kienu gowls ċerti u kien hu li żamna fil partita. Ma kellu l-ebda tort fil-gowl. Kien first timer minn taħtu li biex jilqgħu ried biss jaħbat miegħu.
"Effiong hu plejer ta' livell għoli ħafna. Jarmi saħħa kbira u jiġri ġiri kbir. Se jkun importanti ħafna għal dan it-tim fil-partiti li jmiss," qal Ghedin.
Mistoqsi fuq Michael Mifsud u jekk wasalx iż-żmien li jibda jaħseb għandux jibda mal-ewwel ħdax jew le, Ghedin faħħar lill-captain tat-tim nazzjonali Malti għal dak li ilu jagħmel f'dawn l-aħħar snin għall-pajjiż.
"Wieħed ma jistax jinsa dak li għamel fl-aħħar snin għal dan it-tim nazzjonali. Mifsud ġej minn injury u għadu ma qgħadx għal-logħob kif suppost. Qed nispera li jerġa' jiġi kif kien. Irridu niftakru li meta nitkellmu fuq Mifsud qegħdin nitkellmu fuq parti kbira tal-Istorja tat-tim nazzjonali Malti," qal Ghedin.
