


L-MFA Awards 2015 se jsiru fid-19 ta’ Ġunju f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta mit-8.00pm ’il quddiem. Dan kollu kien ikkonfermat f’konferenza stampa li sejħet il-Malta Football Association, illum f’12.00pm u li fiha kienet mistiedna l-media lokali.
Din is-sena, hekk kif approvat mill-Kunsill tal-MFA, se jingħataw 15-il Award, li huma:
1. Footballer of the Year
2. BOV First Division Best Player
3. BOV Second Division Best Player
4. BOV Third Division Best Player
5. BOV Women’s League Best Player
6. Youth League Best Player
7. Young Player of the Year
8. Coach of the Year
9. Fair Play Award
10. BOV Premier League Top-Scorer
11. BOV First Division Top-Scorer
12. BOV Second Division Top-Scorer
13. BOV Third Division Top-Scorer
14. BOV Women’s League Top-Scorer
15. Best Foreign Player
16. Goal of the Year
17. The President’s Award
18. Refereeing Award
19. Gozo FA Player of the Year
“Dan l-avveniment se jagħlaq l-istaġun 2014/15, filwaqt li jiftaħ staġun ieħor. Kien staġun li fih konna qed norganizzaw il-100 kampjonat li kien iddominat minn Hibernians FC. Lejn l-aħħar tal-istaġun kellna battalja sabiħa għar-rebħ tal-FA Trophy biex finalment rebħuha Birkirkara FC,” qal Bjorn Vassallo, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA, li fetaħ din il-konferenza stampa.
Vassallo qal li s-serata tal-MFA Awards 2015 se tkun serata fejn se jiġu ppremjati l-protagonisti tal-istaġun li għadda. Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA ħa l-opportunita’ biex isellem lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kellhom x’jaqsmu mal-logħba b’mod dirett u oħrajn li ta’ kuljum jaħdmu biex l-MFA u l-futbol Malti jkompli jikber u jissaħħaħ.
“Kien staġun fejn fih kellna kważi 3000 partita li jaqgħu taħt il-kappa tal-MFA. U dan kollu jirrikjedi ppjanar tajjeb u ħidma intensiva, ġimgħa wara ġimgħa,” temm Vassallo.
Dr. Chris Bonett, Viċi President u Chairman tal-MFA Awards 2015, qal li t-tema tas-serata għal din is-sena se jkun il-100 kampjonat organizzat mill-MFA. Iżda ma dan semma’ fatt kurjuż li ftit jafu jew innutaw.
“Irrid ngħid ukoll li dan kien l-20 sena ta’ kampjonat tan-nisa wkoll u għalhekk iċ-ċelebrazzjoni tista’ tkun doppja. L-MFA Awards hu appuntament annwali li jgħaqqad lil kulħadd. Tant li ħsibna anki fil-parteċipazzjoni tal-pubbliku sportiv u dan se jkun jista’ jivvota f’televoting apposta għall-unur tal-Goal tas-Sena,” qal Bonett.
Is-serata se tixxandar b’mod dirett fuq TVM 2 mit-8.00pm ’il quddiem.
Fl-aħħar tal-konferenza, tkellem ukoll Ivan Mizzi, Teżorier tal-MFA, fejn kellu kliem ta’ tifħir lejn dawk il-kumpaniji kollha li juru fiduċja fil-futbol Malti.
“Ma nistax ma nfaħħarx u ma nirringrazzjax lil dawk kollha li dejjem sibnihom ta’ sostenn. Kull meta ħabbatna l-bieb sibnih miftuħ beraħ u ta’ dan irrid nirringrazzja lill-kumpaniji kollha li juru fiduċja fl-MFA,” qal Mizzi.
Tkellem ukoll Peter Cossai, Kap tat-Taqsima Sports ta’ PBS li min-naħa tiegħu qal li l-istazzjoni nazzjonali jinsab kburi li hu parti sew mix-xandiriet, kważi kollha, li jkollha l-MFA.
“Bħala stazzjon nazzjonali aħna nkunu minn ta’ quddiem li nxandru avvenimenti tal-MFA u nagħmlu dan bi pjaċir kbir. L-MFA Awards huma parti oħra minn xandira kbira u professjonali tal-istazzjon tal-Istat u għaldaqstant aħna kommessi li nagħtu l-aħjar prodott lit-telespettatur,” qal Cossai.
